Joe Vella Parnis, Carmel Ciappara u Charles Camenzuli, tlett irġiel impjegati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, kienu ħarġu minn djarhom għal ġurnata oħra tax-xogħol nhar is-27 ta’ Jannar tas-sena 2000.
Minkejja dan, dik il-ġurnata għalihom u għall-pajjiż baqgħet immarkata bħala waħda traġika, għax tilfu ħajjithom ħesrem kawża ta’ ħruġ ta’ gassijiet f’fossa tad-drenaġġ, waqt li kienu qed jagħmlu tiswijiet taħt l-art.
Il-każ tat-tliet ħaddiema mid-Dipartiment tad-Drenaġġ seħħ hekk kif Joe Vella Parnis u Charles Camenzuli niżlu fl-ispiera biex isewwu valve, iżda minħabba nuqqas ta’ apparat u makkinarju li ma kienx jiġi pprovdut dak iż-żmien, it-tnejn intilfu minn sensihom u ma bdewx iwieġbu għas-sejħiet tal-kollega tagħhom, Carmel Ciappara, li kien baqa’ barra.
Hawnhekk Ciappara niżel fl-ispiera darbtejn bla suċċess u tela’ biex ikun jista’ jieħu n-nifs. Mat-tielet darba, iżda, hu ma reġax tela’ u, maż-żewġ kollegi l-oħrajn, spiċċa joħroġ biss bħala katavru.
It-tlett irġiel, minbarra li kienu kollegi tax-xogħol, kienu wkoll ħafna drabi flimkien jipprattikaw id-delizzju tagħhom tal-insib.
Fl-2011 il-qraba tal-vittmi bejniethom ingħataw madwar 380 elf ewro bħala kumpens mill-istat.
Ħamsa u għoxrin sena minn din it-traġedja nazzjonali, ONE News tkellem ma’ Francis Ciappara, li jiġi ħu Carmel.
Hu qalilna li, dakinhar, kien qiegħed Ruma meta rċieva telefonata minn qrabatu biex jirritorna lura Malta. F’moħħu feġġ ħsieb li ommu ma kinitx qegħda tħossha sewwa.
Francis beda jirrakkonta kif, waqt li kien fuq l-ajruplan lura lejn Malta, seħħet xi ħaġa li suppost kellu jinduna dak il-ħin li ħuh ħalla din id-dinja.
“Tlajt fuq l-ajruplan, ħdejja kien qed jaqra l-gazzetta kien hemm Monsinjur Borg. Fil-fatt, u ma ndunajtx li kien qed jaqra dwar din it-traġedja, sirt naf meta wasalt lura Malta, għax kienu qegħdin jistennewni biex jgħiduli.”
Francis Ciappara, Vittma tat-Traġedja fiċ-Ċirkewwa
Hu qalilna li, fil-ħajja tiegħu, anke għax ma kienx miżżewweġ, ħuh kien dejjem jagħti daqqa t’id lill-familja u, ħafna drabi, anke lil nies oħrajn,
“Għax dan ħija kien kollox id-dar, bili ma kienx miżżewweġ, kien kollox f’idejh, qisu missieri għandu bżonn hekk, ommi għandha bżonn hekk, aħna wkoll lili kien qiegħed jagħmilli l-garaxx filfatt kien għad hemm il-materjal u l-pala kien qed jagħmel kollox hu. Lil oħti kien qed jagħmlilha t-taraġ, lil oħti l-oħra hekk, lil kulħadd jgħin, lil kulħadd kemm jista’. Dak li kien ħija jiġifieri għalina.”
Francis Ciappara, Vittma tat-Traġedja fiċ-Ċirkewwa
ONE News isellem il-memorja ta’ dawn it-tlett irġiel li ħallew ħajjithom biex jagħtu servizz lill-pajjiż.