25 sena ilu, propju bħal-lum it-28 ta’ Settembru tal-1999, ixxandar l-ewwel episodju tas-sensiela Simpatiċi fuq Super One TV, episodju li kien jismu “Tard”, b’kitba ta’ Lino Grech fuq storja ta’ Frida Cauchi.
Sa minn filgħodu, dakinhar li xxandar Frida Cauchi u Herman Bonaci qalulna li kienu ħerqana u eċitati fl-istess waqt. Kienu għadhom ma jafux kif l-ewwel episodju kien se jintlaqa’ mit-telespettaturi Maltin.
“L-episodju kien jismu ‘Tard’ u kont ħriġt bl-istorja, ktibt l-iscript u għaddejnih lil Lino, għax għamiltu fuq il-ħajja tiegħi. Kont magħrufa li fil-ħajja tiegħi nkun tard, naħseb għadni. U darba ġratli li mort ix-xogħol b’żarbuna mod u żarbuna mod ieħor.”
FRIDA CAUCHI
L-ewwel episodju kien suċċess kbir tant li l-għada kulħadd kien qed jitkellem dwaru. Kellhom kummenti sbieħ li lill-produtturi ta’ din is-sensiela imlewhom b’aktar kuraġġ.
“Ma tobsorx mill-bidu. Meta bdejt nara il-kitba tal-iscripts, u l-mod kif bdejna niffilmjaw, l-andament tal-istorja, emmint li Simpatiċi kien se jkun suċċess daqs ta’ qablu għaliex jien kont għadni kemm noħroġ mis-sensiela Ipokriti. Xi ħaġa differenti minn drama għall- sitcom, għax is-sitcom kienet nieqsa ħafna minn fuq it-televiżjoni dak iż-żmien.”
HERMAN BONACI
It-telespettaturi mill-ewwel ħabbew il-karattri kollha ta’ din is-sensiela. Ibda min-nanna Katrin, Jason, il-kelba Buttons u spiċċa fis-Sur Callus. Kollha saru ta’ ġewwa.
“L-iktar li jsemmu, bla dubju hija tan-nanna Katrin, minn hawnhekk insellmu l-memorja tagħha, nsellmu lit-tifla tagħha u lit-tifel. Lit-tifla tagħha li kienet magħna fil-play, tixbaħha ħafna, Buttons, Jason, dawk l-iktar. Imbagħad hemm ukoll it-tosti bħall-kappillan, Leonard, dawk ukoll iħobbuhom in-nies .
FRIDA CAUCHI
L-ewwel sensiela kellha 39 episodju. Tul is-snin telgħu għall-280 episodju u kisru r-rekord. Imma minn fejn ġie dan is-suċċess kollu.
“Nemmen li biex tikteb dramm iktar faċli milli tikteb kummiedja. Il-Comedy fiha s-sigriet tagħha. Simpatiċi rnexxilna li nagħmlu kummiedja mingħajr ma ngħidu pastażata mingħajr doppju sens, mhux faċli. In-nuqqas ta’ Lino Grech u kittieba oħra nħassew ħafna fil-gżejjer Maltin, imma jekk isir sforz biżżejjed nemmen li għad hawn potenzjal u hawn min jikteb.”
HERMAN BONACI
Tlabna lil Herman Bonaci jgħidilna jekk hemm xi ċans li nerġgħu naraw xi episodji ġodda ta’ Simpatiċi.
“Li tkompli Simpatiċi mhux possibli biss nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet b’ Simpatiċi. Nistgħu immoru on stage u għandna l-ħsieb li nagħmlu xow kbir f’għeluq il-ħamsa u għoxrin sena ta Simpatiċi.”
HERMAN BONACI
F’għeluq il-ħamsa u għoxrin sena , it-telekummiedja tant popolari mal-Maltin ‘Simpatiċi’ se tibqa’ żżommilna kumpanija anke f’din l-iskeda, esklussivament fuq ONE.