25 restawratur u konservatur li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr tal-patrimonju kulturali ġew rikonoxxuti b’warrant.
Warrant li qiegħed jinħareġ għall-ewwel darba mill-Bord tal-Warrants tar-Restawraturi u li għandu l-għan li jirregola x-xogħolijiet relatati mal-attivitajiet marbuta ma’ din il-professjoni partikolari.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-mużew tal-arkeoloġija fil-Belt Valleta ntqal kif b’hekk issa din il-professjoni hija protetta bil-liġi, partikolarment taħt il-Kapitlu 445 fl-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.
Il-Professur Joanne Cassar, membru fil-Bord tal-Warrants tar-Restawraturi spjegat kif Malta hija waħda mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li qed tpoġġi fuq quddiem din il-professjoni.
Hija qalet: “Kuntenta ħafna li issa dan il-pajjiż għamel dan il-pass kbir li mhux ħafna pajjiżi għamluh sa issa li qed nirrikonoxxu din bħala professjoni u hija xi ħaġa li jistħoqqilha ħafna ħafna.”
Intant preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera li spjega kif dan huwa pass sinjifikanti fil-qasam tal-patrimonju kulturali.
Saħaq kif dan il-pass issa se jinkludi fih element ta’ serħan il-moħħ hekk kif xogħol fuq il-patrimonju prestiġjuż ta’ pajjiżna ser ikun fdat f’idejn indiviwi li qiegħdin jagħmlu dan ix-xogħol f’ambitu professjonali u kuntest etiku.
Il-Ministru Herrera sostna: “Hija professjoni indispensabbli għall-preservazzjoni tal-patrimonju tagħna. Kien ta’ pjaċir partikolari għaliha din l-idea ilha li tiġi kontemplata u nħass il-bżonn tagħhha 18-il sena ilu u domna 18-il sena biex wasalna fejn wasalna.”