Investiment ta’ seba’ miljun u sitt mitt elf ewro se jsarraf f’25 proġett ta’ restawr fil-Kottonera, li lkoll se jibdew f’dawn is-sentejn.
Dan se jsir mill-Fondazzjoni Kottonera u d-Direttorat tar-Restawr. F’konferenza tal-Aħbarijiet il-Perit Roberta Mallia spjegat li fost il-proġetti li diġà bdew jew li se jkunu qed jibdew din is-sena jinkludu:
- Il-linji tas-swar tal-Kottonera
- Xatt ir-Risq f’Bormla
- Skola tal-verdala Bormla
- L-inħawi ta’ San Ġwann t’Għuxa f’Bormla
- Notre Dame Gate fil-Birgu
- Statwi fl-Isla
- Niċeċ fil-Kalkara
- Fażijiet varji tas-swar fl-inħawi ta’ Rikażli
- L-istatwa ta’ San Lawrenz fil-Birgu
“Qed isir preżentament xogħol fuq il-Berġa ta’ Franza u tlesta x-xogħol fuq il-Knisja ta’ San Filippu fl-Isla, u sar ukoll il-każin tal-banda tal-Isla.”
Partijiet oħra minn waħda mill-aktar żoni storiċi fil-pajjiż se jibda x-xogħol fuqhom is-sena d-dieħla. Dawn jinkludu:
- Koppla tal-Knisja ta’ San Pawl f’Bormla
- Il-Knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla
- Porto Salvo Gate fl-Isla
- Il-Parroċċa tal-Isla
- Il-Berġa tal-Ingilterra fil-Birgu
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield tenna l-impenn tal-Gvern biex iħalli l-Kottonera ta’ għada aħjar minn kif inhi issa.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera qal li kull investiment li jsir fil-Kottonera għandu wkoll valur ekonomiku, għaliex ikompli jixpruna l-investiment barrani u jsaħħaħ il-prodott turistiku Malti.