Ħamsa u għoxrin persuna ġew ikkonfermati minn bord mediku indipendenti, li qed isofru forma ta’ diżabilità wara li ħadu l-mediċina ta’ Thalidomide.
Il-pillola tat-Thalidomide kienet tingħata lil nisa tqal li jkunu jbatu b’ħafna dardir u għall-ażma, u kienet prodotta minn mijiet ta’ kumpaniji.
Din il-pillola kienet iddaħħlet f’Malta f’Marzu tal-1958 u baqgħet tingħata f’pajjiżna sal-1968, anki wara li l-użu tagħha madwar id-dinja kien ipprojbit fl-1961.
Jekk mogħtija fl-ewwel tliet xhur tat-tqala, il-mediċina setgħet tħalli diformitajiet fit-tarbija, filwaqt li jekk il-mara ngħatatilha qabel ma welldet it-tarbija, setgħet tiġi affettwata mentalment.
Fil-fatt, it-Thalidomide ħasdet il-ħajja ta’ diversi persuni minn madwar id-dinja kollha, filwaqt li kkaġunat difetti fit-twelid, fejn ħafna mid-drabi, it-trabi kienu jitwieldu bi driegħ qosra.
Quddiem dan kollhu, f’Lulju li għadha, il-Gvern Malti ħabbar kumpens ta’ 3 miljun ewro lill-vittmi f’pajjiżna tat-Thalidomide.
Il-kumpens se jingħata ex gratia lill-vittmi ħajjin li sofrew diżabilità permanenti kawża ta’ din il-mediċina. Il-kumpens huwa bbażat fuq formula maqbula mill-kabinett li tieħu inkonsiderazzjoni fost l-oħrajn il-persentaġġ tad-diżabilità u l-età tal-persuna.
Wara sejħa pubblika għal kull minn potenzjalment seta’ sofra xi diżabilità kawża tat-teħid ta din il-mediċina, tmienja u tletin persuna avviċinaw lill-Ministeru għall-Inklużjoni.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat li dawn il-persuni ressqu quddiem bord mediku indipendenti biex ikunu jistgħu jaċċessaw r-rekords mediċi rispettivi, isiru l-pre-assessments u eventwalment l-eżamijiet mediċi.
“38 persuna li wieġbu għas-sejħa tal-Gvern meta aħna ridna nkunu nafu biex naraw kemm hawn persuni li potenzjlament huma vittmi ta din il-pillola li ttieħdet aktar minn sittin sena ilu. Mill-eżerċizzju li sar, u mill-fażi medika li sarret, irriżulta li ħamsa u sittin fil-mija ta dawk li ressqu quddiem il-Gvern jirrizulta li huma vittmi ta’ Thalidomide.”
Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li, filwaqt li f’pajjiżi oħrajn il-vittmi tat-Thalidomide kienu ngħataw kumpens, il-vittmi Maltin baqgħu jittamaw.
Lanqas biss kienet saret apoloġija magħhom u ma’ qrabathom, la mill-Gvern li ppermetta l-importazzjoni tal-prodott u lanqas mill-kumpaniija Ġermaniża, Chemie Grünenthal, li kienet timmanifatturah.
“Il-Gvern, apparti l-apoloġija li għamel fil-Parlament, f’isem gvernijiet preċedenti, inħossu li trid issir ġustizzja ma dawn il-vittmi li uħud minnhom għadhom ħajjin.”