Il-baġit għal din is-sena jinkludi għexieren ta’ miżuri. Għażilna 25 li żgur se jkollhom effett dirett fuq ħafna familji li jew se jaraw titjib dirett fid-dħul tagħhom jew inkella jistgħu jgawdu minnhom tul ix-xhur li ġejjin taħt xi skema jew oħra.
1. Kumpens għall-għoli tal-ħajja ta’ €1.75 fil-ġimgħa lill-impjegati kollha, pensjonanti kollha u dawk kollha li qegħdin fuq benefiċċji soċjali. L-istipendji tal-istudenti se jiżdiedu bi pro-rata.
2. Żieda ta’ ġurnata oħra leave biex il-ħaddiema jibdew jingħataw lura l-ġranet ta’ festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.
3. Żieda ta’ €3 fil-ġimgħa fil-paga għal min ikun għamel sena f’impjieg b’paga minima u li jkun intitolat għaliha tul it-tieni sena fl-impjieg. Il-COLA għan-nies fuq paga minima se tiżdied b’€1 oħra fil-ġimgħa mis-sena li tibda għada u mis-sena d-dieħla.
4. Kull minn jaħdem u jaqla anqas min €60,000 se jibbenefika minn tnaqqis fit-taxxa b’ċekk ta’ bejn €40 għal massimu ta’ €68 fis-sena. Dawk bl-inqas dħul se jingħataw il-massimu ta’ din l-għotja.
5. Żieda ta’ €2 fil-ġimgħa għall-pensjonanti kollha hekk kif din hi t-tielet sena konsekuttiva li qed jogħlew il-pensjonijiet.
6. Jiżdied għal €13,200 il-massimu ta’ dħul għall-pensjonanti li mhux se jkun intaxxat.
7. Żieda ta’ €200 fil-pensjoni tas-servizz għal aktar minn 4,500 pensjonant tas-servizz.
8. Tnaqqis ta’ VAT dovut minn Ażjendi Żgħar u Medji. Il-Gvern se jaġġorna u jżid il-VAT exempt threshold li fil-preżent huwa ta’ €14,000 għal €20,000.
9. Skema tal-First-Time Buyers estiża għal sena oħra fejn ma titħallasx ebda taxxa tal-boll fuq l-ewwel €150,000. Mill-2014 kienu mibjugħa aktar minn 11,300 proprjetà taħt din l-iskema. Is-Second-Time Buyers ukoll se jgawdu minn tnaqqis fit-taxxa tal-boll sa massimu ta’ €3,000 jekk ibigħu l-ewwel proprjetà u ma jkollhomx proprjetajiet oħra.
10. Se tkompli skema ta’ rifużjoni lill-first-time buyers ta’ spejjeż fuq xogħol ta’ restawr f’żoni skedati.
11. Inċentivi għal xiri ta’ proprjetà f’Għawdex – estiż għal sena oħra t-tnaqqis fir-rata tal-boll minn 5% għal 2%.
12. Estiża għal żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-20 sena l-inizjattiva li jingħataw sena vjaġġar b’xejn b’tal-linja sa massimu ta’ €312 fis-sena. Din is-sena kienet biss għal dawk li jagħlqu t-18-il sena.
13. Għall-ewwel darba inċentiv ta’ għotja sa massimu ta’ €400 fuq xiri ta’ muturi, scuters u roti assistiti b’mutur tal-elettriku. Fil-każ ta’ roti b’mutur tal-elettriku hemm ukoll eżenzjoni mill-VAT. Tnaqqis għal 7% fir-rata tal-VAT fuq il-kiri ta’ roti.
14. Għall-ewwel darba se tingħata eżenzjoni minn kull taxxa tar-reġistrazzjoni għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku, ibridi u oħrajn simili li jużaw batterija u ta’ mhux inqas minn 80km. Kumpaniji kummerċjali jekk jikkwalifikaw jistgħu jibbenefikaw minn din sa massimu ta’ €200,000. Se jerġa’ jkun hemm inċentivi għal xiri u twaħħil ta’ apparat biex jiġu ċċarġjati l-vetturi.
15. Estiża għal sena oħra l-għotja u l-iskrappjar ta’ vetturi jekk taqleb għall-vetturi bil-gass.
16. Għajnuna sa massimu ta’ €10,000 biex jiġu kopruti spejjeż għall-adozzjoni ta’ tfal minn barra l-pajjiż. Se tapplika wkoll għal dawk li diġà bdew proċess għall-adozzjoni u għadu ma ntemmx.
17. Allowance għal-ltiema se tiġi estiża wkoll għal dawk iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16-il sena u l-21 sena li jaħdmu. Sal-lum tingħata biss lil dawk li ma jaħdmux.
18. Żieda fil-Foster Care Allowance minn €70 għal €100 fil-ġimgħa. L-ewwel żieda f’din l-allowance fi tmien snin.
19. Romol li jaħdmu se jibdew jingħataw il-benefiċċju għall-mard. Sal-lum għax jirċievu l-pensjoni kontributorja mhumiex intitolati għalihom.
20. L-ammont ta’ manteniment imħallas mhux se jibqa’ jitqies bħala dħul għall-fini ta’ means test tal-Karta r-Roża.
21. Żieda fl-għajnuna finanzjarja f’dak li hu Drug Addicts Allowance. Din tingħata lill-persuni milquti mill-vizzju tad-droga jew xorb u se titla’ minn €30 għal €40 fil-ġimgħa.
22. Tisħiħ tal-In-Work Benefit minn €350 għal €450 għal kull wild, waqt li l-inqas rata se titla’ minn €52 għal €75 għal kull wild.
23. Żieda ta’ €200 fix-xahar fil-pagi tal-ħaddiema li jinsabu fil-Community Work Scheme.
24. Żieda addizzjonali ta’ €8.15 fil-ġimgħa għall-carers għal kull membru ieħor tal-familja jekk persuna miżżewġa titlef id-dritt għal għajnuna soċjali oħra jekk tkun intitolata għall-allowance miżjuda.
25. L-assistenza tal-Micro Invest se togħla minn €30,000 għal €50,000 għal dawk l-intrapriżi bbażati Malta, filwaqt f’Għawdex se tiżdied għal €70,000. Meta n-negozju jkollu maġġoranza ta’ ishma f’isem nisa u fil-każ li jkunu nisa self employed l-inċentiv mistenni jitla’ għal €70,000. Din l-iskema se tinfetaħ ukoll għal negozji li jimpjegaw mhux aktar minn 50 ruħ full time.