Is-Sibt filgħodu ġiet imnedija s-sebgħa edizzjoni tal-programm LEAD bil-parteċipazzjoni ta’ ħamsa u għoxrin tfajla u mara.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Miriam Dalli spjegat li għal din l-edizzjoni tal-programm ħadu sehem numru sabiħ ta’ parteċipanti li l-età tagħhom tvarja bejn is-sittax u l-ħamsa u ħamsin sena.
Tkellimna ma’ Sarah Schembri, l-iżgħar parteċipanta fost il-ħamsa u għoxrin.
“Nemmen li LEAD huwa pass ieħor li għandi nagħmel sabiex nidħol fid-dinja tal-politika b’mod li nkun kandidata ideali għall-elezzjonijiet li jmiss. Jiena naspira li nikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-lokalità tar-Rabat Għawdex u nemmen li permezz tal-programm LEAD nista’ nkun kandidata verament ideali. Jien nistenna li mill-programm LEAD inġib aktar esperjenza dwar kif għandi nagħmel dibattiti li jkunu mibnijin fuq argumenti sodi li eventwalment nirbaħ iktar il-fiduċja tan-nies bihom.”
Il-parteċipanti huma minn faxex differenti tas-soċjetà u waħda minnhom saħansitra tgħix barra minn xtutna u se tkun qed tattendi għas-sessjonijiet ta’ LEAD online.
Il-Ministru Dalli sostniet li hija konvinta li dan il-programm mhux biss se jibbenefika minnu l-Partit Laburista iżda l-pajjiż kollu biex b’hekk l-ugwaljanza tkompli tingħata spinta ‘l quddiem kemm fix-xena lokali kif ukoll f’dik internazzjonali.
“Illum il-ġurnata anki bl-interess li qegħdin naraw anki bl-ideat ta’ nisa li jixtiequ mhux biss iwasslu l-ideat tagħhom, mhux biss iwasslu leħinhom imma jridu jkunu parti attiva mill-ħajja politika. Nemmen li pajjiżna għandu bżonn ħafna iktar nisa sew fejn tidħol il-politika lokali, fejn tidħol politika nazzjonali u anki l-politika Ewropea, allura konvinta li anki fis-snin li ġejjin, dan l-interess se jkun qiegħed hemm u anki jkompli jikber.”
Matul dawn l-aħħar is-snin fil-programm LEAD ħadu sehem mija u ħamsin parteċipanta u numru sabiħ minnhom ikkontestaw l-elezzjoniji tal-kunsilli lokali fl-2019 fejn ħamsa u tmenin fil-mija minnhom ġew eletti.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista qal li LEAD huwa opportunità sabiex dawn in-nisa jwettqu l-ħolm u l-ideat tagħhom kemm jekk jixtiequ jikkandidaw ruħhom f’elezzjoni kif ukoll jekk jixtiequ jkunu parti mill-istrutturi tal-Partit Laburista.
Debattista sostna li LEAD juri kemm dan il-partit huwa wieħed riformista għaliex l-involviment ta’ LEAD ma jieqafx ma’ elezzjoni iżda dawn il-parteċipanti kienu parti integrali mill-manifest elettorali ta’ Malta Flimkien.