Ħamsa u għoxrin għaqdiet mużikali se jibbenefikaw minn fond ta’ 165 elf ewro fi proġetti li minnhom se tibbenefika s-soċjetà Maltija.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Arti u l-Wirt Nazzjonali Josè Herrera f’konferebza tal-aħbarijiet fil-MUŻA.
Il-Ministru qal li dan il-fond se jkun qed jgħin l-għaqdiet tal-baned sabiex tittaffa l-problema li qed jaffaċjaw l-għaqdiet kawża tal-pandemija.
Qal kif, “Għax jekk ma nkunux ta’ soljev, naturlament dawn jitkissru u meta l-affarijiet jiġu għan-normal ma nsibuhomx. Trid taprezza wkoll illi l-kultura u l-folklor u t-tradizzjonijiet Maltin huma dawk li jixprunaw it-turiżmu fil-pajjiż u jattiraw l-investiment barrani, jiġifieri l-kultura u l-arti mhux qiegħdin hemmhekk sempliċiment biex nelevaw il-pjaċir tal-bniedem jew televa l-kwalità tal-ħajja tan-nies imma għandha wkoll sens ekonomiku”
Il-President tal-Għaqda tal-Każini tal-Banda Dr. Noel Camilleri saħaq li dan il-fond, li beda fl-2013, qed iservi biex jixpruna l-kultura fil-lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex.
Qal li ta kull sena qed jiżdiedu l-applikazzjonijiet mis-soċjetajiet mużikali u din is-sena applikaw tlieta u ħamsin għaqda.
Qal, “Meta inti taf applikaw 35 applikazzjoni, meta fil-bidu kienu japplikaw 10, 15 u tara t-talba fuq 600,000 ifisser li jagħrfu l-importanza ta’ dan il-fond mill-assoċjazzjonijiet tal-banda u aħna kif qal tajjeb il-Miniteru fil-press conference, aħna nieħdu gost li dan il-fond ikompli għas-snin li ġejjin.”
Intant iċ-Chairman għall-Kunsill tal-Arti, Albert Marshall, qal li dan il-fond ġie strutturat biex il-fondi pubbliċi jiġu investiti fl-artisti u għaqdiet tal-arti u l-kultura.