Dawk kollha li se jaqsmu l-fliegu matul ix-xahar ta’ Diċembru, se jikkontribwixxu fl-għajnuna li tingħata lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund għall-avveniment annwali tal-għada tal-Milied, l-Istrina.
Dan hekk kif 25 ċenteżmu minn kull biljett standard li jinxtara minn fuq il-Gozo Channel f’Diċembru, se jingħataw lill-Istrina.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li b’din l-inizjattiva, il-Gozo Channel ukoll se tagħmel tagħha biex tqajjem aktar kuxjenza dwar il-bżonn li ngħinu persuni inqas ixxurtjati.
Żied jinnota li l-Istrina saret sinonima mal-qlubija tal-Maltin u Għawdxin, u appella biex il-poplu kollu jkun ġeneruż.
Il-Ministru Camilleri stqarr, “Hija inizjattiva żgħira però aktar minn hekk irridu nkomplu nħeġġu, inkomplu nuru, b’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet, kemm aħna solidali ma’ ħutna li jkollhom aktar bżonn u għaldaqstant inħeġġeġ lill-Maltin u b’mod partikolari lill-Għawdxin biex jagħtu l-parti tagħhom f’dan l-avveniment.”
In-nollijiet tal-Gozo Channel mhumiex se jiġu affettwati, u r-rati regolari se jibqgħu japplikaw.
Ritratt (MGOZ)