Il-Gvern, flimkien mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, ħabbar programm varjat ta’ attivitajiet tal-Milied bl-isem ta’ ‘Christmas in the Capital’, b’25 avveniment f’25 jum.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u miċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, intqal li dan il-programm se jsir fil-Belt Valletta mill-25 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru.
Jason Micallef spjega li l-avvenimenti se jkunu qed jinkludu baned fit-toroq u street walkers, korijiet u kunċerti mużikali minn numru ta’ gruppi popolari li jinkludu The New Victorians, MARA, Centrestage, Klinsmann, u Tikka Banda.
Spjega wkoll kif dan il-programm se jingħata bidu għalih billi jinxtegħlu d-dwal u s-siġar tal-Milied fil-postijiet ewlenin fil-Belt Valletta fil-25 ta’ Novembru. Dan se jsir flimkien mal-inawgurazzjoni tal-presepju artistiku tal-Milied biswit id-daħla tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.
“L-aspett ekonomiku, kulturali, u soċjali jibqa’ fuq quddiem nett tal-aġenzija kulturali u, allura, mhux kumbinazzjoni li dan hu programm b’saħħtu ħafna ta’ 25 attività li jitilqu minn nhar il-Ġimgħa li ġej fil-25 ta’ Novembru u jibqgħu sejrin sal-aħħar tas-sena.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici saħaq li l-Gvern hu impenjat li jkompli jkabbar l-attivitajiet kulturali fil-Belt Valletta u fid-diversi lokalitajiet oħra f’pajjiżna.
Huwa ddeskriva dan il-programm bħala opportunità għall-familji Maltin u Għawdxin biex iżuru l-beltkKapitali ta’ pajjiżna matul il-perjodu tal-Milied.
“Għandna programm ippakkjat b’25 attività kulturali li mhux biss huma sbieħ fihom infushom imma joffru opportunità lill-artisti li jesebixxu t-talent tagħhom quddiem folla numeruża, quddiem il-Maltin u t-turisti li żgur se jieħdu gost jidħlu fil-maġija tal-Milied fil-Belt Valletta.”