Tul ix-xhur tas-sajf se jsir 25 attività kulturali mill-Kunsilli Lokali madwar pajjiża. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
B’dawn l-attivitajiet se jsiru permezz ta’ skema maħruġa mid-Direttorat għall-Gvern Lokali.
L-ammont ta’ fondi allokati għal dawn l-attivitajiet se jkun ta’ nofs miljun ewro, bil-kunsilli lokali mistennija jtellgħu diversi attivitajiet, fosthom iljieli sajfin, wirjiet agrarji u attivitajiet oħrajn marbuta mal-attrazzjonijiet tal-lokalitajiet rispettivi.
18-il lokalità f’Malta u seba’ oħra f’Għawdex se jibbenefikaw mill-ewwel sett ta’ fondi huma Ħ’Attard, il-Mellieħa, San Ġwann, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Għargħur, l-Iklin, Tas-Sliema, Ta’ Xbiex, il-Kalkara, ix-Xgħajra, Ħal Luqa, Marsaxlokk, Santa Venera, l-Imdina, Ħad-Dingli, Ħal Kirkop u ż-Żurrieq. Filwaqt li dawn l-attivitajiet f’Għawdex se jsiru f’Għajnsielem, Ta’ Kerċem u Santa Luċija, il-Qala, Ta’ Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ.
Tkellimna mas-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina u mas-Sindku tal-Qala Pawlu Buttigieg dwar l-attivitajiet li se jorganizzaw.
“Permezz ta’ dawn il-fondi addizzjonali li huma importanti ħafna fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali, li aħna l-Kunsill Lokali tal-Kalkara se nkunu qegħdin nibbenefikaw minn fondi sabiex għar-raba’ sena norganizzaw Lejla Rnella, fil-bajja tal-Kalkara, nhar is-Sibt 2 ta’ Awwissu.”
Wayne Aquilina – Sindku tal-Kalkara
“Grazzi għal dawn il-fondi li ngħatajna mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, bihom se nkun nistgħu nagħmlu attività fis-27 ta’ Lulju, il-Qala, imsemmiha ‘Lejla Għawdxija’. Inħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex japplikaw għall-fondi bħal dawn.”
Pawlu Buttigieg – Sindku tal-Qala
Dwar din l-iskema li se jgawdu minnha l-Kunsilli Lokali kkummentat is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.
“Peremezz ta’ din l-iskema, l-attivitajiet kulturali annwali u permezz ta’ fond ta’ madwar nofs miljun ewro, se jkunu qegħdin igawdu 25 kunsill lokali madwar Malta u Għawdex, propju seba’ minnhom fil-lokalitajiet Għawdxin sabiex daż-żminijiet tas-sajf, dawn il-kunsilli jkunu qed jiġu sostnuti, mgħejuna sabiex jtellgħu attivitajiet kulturali li jferħu lill-Maltin, lil Għawdxin u fuq kollox lill-familji u lill-poplu inġenerali.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli
