Operazzjoni tal-Pulizija kmieni dalgħodu wasslet għall-arrest ta’ madwar 25 persuna b’rabta ma’ allegat ġlied tas-sriedaq, logħob tal-azzard u akkużi relatati, dan kollu fiż-żona tal-Ħandaq limiti ta’ Ħal-Qormi.
Il-ħidma involviet ħaddiema mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, Pulizija tal-ALE, RIU u kif ukoll mid-distrett ta’ Ħal-Qormi.
Għadd ta’ Pulizija li bħalissa jinsabu fuq il-post qed joħorġu lill-akkużati ftit ftit fejn jidher li numru ta’ persuni qed jiġu miżmuma fin-naħa ta’ fejn sar il-ġlied tas-sriedaq u se jinħarġu fil-ħin illi ġej.
Fost id-diversi affarijiet li l-Pulizija kkonfiskaw, fosthom mowbajls, ikkonfiskaw mediċina li kienet qed tintuża meta serduq ikollu xi ġrieħi kkawżat waqt ġlieda.
Fuq il-post daħlu numru ta’ veterinarji sabiex jispezzjonaw il-post u l-membri tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali dehru ħerġin b’serduq f’gaġġa f’ħin minnhom.