245 membru tal-Korp tal-Pulizija ngħaqdu ma’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin oħrajn u rreġistraw lilhom infushom bħala donaturi tal-organi. Il-formoli rispettivi tagħhom ġew ippreżentati dalgħodu mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, fil-preżenza tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia li taħtu jaqa’ l-Korp tal-Pulizija.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li b’dan l-ammont, il-lista ta’ donaturi tal-organi telgħet għal 20,000. Sadanittant, hemm aktar minn 100 pazjent Malti u Għawdxi jistennew l-organi li jvarjaw minn kliewi għall-cornea, qlub u pulmuni.
Huwa żied jgħid li ftit inqas minn tliet snin ilu, l-Gvern illeġiżla sabiex ikun regolat il-mod u l-effett ta’ kif persuna tista’ tirreġistra lilha nnifisha bħala donatur tal-organi u l-liġi taħseb ukoll biex ħadd ma jkun jista’ jmur kontra din ix-xewqa, lanqas il-qraba immedjati tal-persuna konċernata.
Għal dan il-għan, sar Reġistru Pubbliku Uffiċjali li fih wieħed jista’ jirreġistra lilu nnifsu bħala donatur u min-naħa l-oħra jista’ jispeċifika li ma jkunx irid li jingħataw organi minn tiegħu jew tagħha. Fil-fatt, sal-lum hemm sitt persuni li esprimew uffiċjalment li ma jixtiqux li wara mewthom ikunu donaturi.
Id-Deputat Prim Ministru qal li f’isem il-poplu Malti u Għawdxi xtaq jirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija għal dan il-ġest nobbli li, “konvint li se jkun qed jixpruna lil korpi dixxiplinati oħrajn biex jieħdu l-istess inizjattiva filwaqt li nirringrazzjakom ukoll għax-xogħol kbir li tagħmlu b’risq il-poplu, xogħol li x’aktarx li l-istess Korp tal-Pulizija mhux konxju biżżejjed ta’ kemm hu rikonoxxut u apprezzat mill-poplu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia qal li kemm id-Deputat Prim Ministru kif ukoll hu ġejjin mill-professjoni medika u allura jafu u esperjenzaw l-importanza li jkun hemm donaturi tal-organi, li għandhom l-istess importanza tad-donaturi tad-demm. Huwa żied jgħid li aktar ma jikber in-numru tad-donaturi tal-organi aktar ikun aħjar għax ma jfissirx li għal kull donatur hemm riċevitur. Mhux kull organu provdut ikun jaqbel mal-bżonn li jkollhom ir-riċevituri u dan jiġi stabbilit wara li jsiru ħafna eżamijiet mediċi u, “huwa għalhekk li akbar ma jkun in-numru ta’ donatruri aktar aħjar.”
Il-Ministru Farrugia assigura lid-Deputat Prim Ministru li se jkunu qegħdin jagħmlu dak kollu possibbli biex dak li twettaq mill-Korp tal-Pulizija fir-rigward ta’ din l-inizjattiva jsir ukoll minn ħdan korpi dixxiplinati oħrajn.
F’kelmtejn ta’ introduzzjoni, il-Kummissarju tal-Pulizija esprima s-sodisfazzjon tiegħu li kien hemm rispons tajjeb ħafna mnn ħdan il-korp għal din l-inizjattiva, “aktar u aktar meta nafu li fil-Korp stess għandna membru li huwa riċevitur ta’ organu u grazzi għad-donatur, dan il-membru tagħna llum jinsab lura fostna għax-xogħol”.