Permezz ta’ kollaborazzjoni ta’ taħriġ bejn Special Olympics Malta u l-Aġenzija Sapport ġew imħarrġa 243 ħaddiem biex persuni b’diżabiltà jagħmlu eżerċizzji fiċ-ċentri madwar pajjiżna.
Il-President ta’ Special Olympics Malta Lydia Abela qalet l-kollaborazzjoni qed tħalli l-frott: “Dawn iż-żewġ entitajiet għandhom għan komuni, dik li jgħinu lill-persuni b’diżabiltà jimxu ‘l quddiem u jkunu aktar inklużi fis-soċjetà. Fejn Special Olympics qed tagħti t-taħriġ tagħha lill-ħaddiema tal-Aġenzija Sapport u l-ħaddiema tal-Aġenzija Sapport, b’impenn u dedikazzjoni ġew għal dan it-taħriġ, li se jkunu qed isarrfuh fi frott favur persuni b’diżabiltà.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras spjegat kif dan it-taħriġ se jwassal biex dawn il-persuni jissieħbu fil-komunità tal-isport.
Hija qalet, “Dan it-taħriġ huwa għall-persuni li ma jistgħux jieħdu sehem fl-Ispecial Olympics minħabba n-natura ta’ diżabilità tagħhom jew għax ikollhom diffikultà f’mobilità jew inkella anke minħabba l-imġieba ma tkunx tista’ tħallihom jagħmlu dan.”
Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari tal-Isport Clifton Grima, li saħqu kif din il-kollaborazzjoni se jwassal biex dawn il-persuni jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-ħaddiema ngħataw ċertifikat ta’ dan it-taħriġ speċjalizzat.