Din is-sena, total ta’ 2,412 student se jkunu qed jiggradwaw mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST.
Madwar 528 minnhom se jiggradwaw fuq livelli ta’ Maġisteru u Baċċellerat, filwaqt li 776 u 91 student se jiggradwaw b’Diploma f’livell 4 u 5 rispettivament.
Fil-livelli 1, 2 u 3, se jiggradwaw 987 student mill-korsijiet varji li toffri din l-istituzzjoni edukattiva. Fosthom hemm, l-Istitut tal-Informazzjoni, Komunikazzjoni Teknoloġika, l-ICT, iċ-Ċentru tal-Agrikolutra, l-Akwatika, u l-Annimali, l-Istitut tas-Servizzi Komunikattivi, l-Istitut tal-Applied Sciences, l-Istitut għall-Arti Kreattiva, l-Istitut għan-Negozju u l-Istitut għall-Kummerċ.
F’waħda minn dawn iċ-ċerimonji attenda l-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni Clifton Grima, fejn qal kif l-MCAST għandu rwol ferm importanti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna, hekk kif joffri opportunitajiet lill-bosta studenti ta’ kull età sabiex ikompli jikbru personalment u professjonalment.
Min-naħa tiegħu l-Prinċipal tal-MCAST Joachim James Calleja saħaq kif il-gradwati se jiġu rikonoxxuti għall-esperjenza prattika u hands-on li kisbu tul il-perkors edukattiv tagħhom.