Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika pprovduti mill-Awtorità Maltija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol l-OHSA juru li bejn l-2014 u l-2018, 21 raġel tilef ħajtu traġikament f’fatalità fuq il-post tax-xogħol.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li l-fatalitajiet kollha li seħħu fuq il-post tax-xogħol fl-aħħar 5 snin kienu kollha rġiel li kellhom bejn il-25 u l-34 sena.
Il-maġġoranza tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol seħħu fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Aktar minn nofs il-vittmi kienu rġiel Maltin. Żied jingħad li kważi żewġ terzi tal-vittmi kienu impjegati u waqt li ftit anqas minn terz kienu persuni li kienu jaħdmu għal rashom.
L-aktar kategorija ta’ ħaddiema milquta kienu dawk li jaħdmu għal rashom u li ma kellhomx impjegati magħhom flimkien ma’ kumpaniji li jħaddmu sa 9 ħaddiema.
Kumpaniji li kienu jħaddmu aktar minn 250 ħaddiem irreġistraw fatalità waħda biss fuq il-post tax-xogħol.
L-NSO żied jgħid li nofs l-imwiet fuq il-post tax-xogħol kienu kawża ta’ ġrieħi serji fir-ras. Żiedu jgħidu li l-akbar ammont ta’ fatalijiet fil-perjodu msemmi kienu riżultat ta’ concussions u ġrieħi interni.
Aktar minn nofs l-imwiet fuq il-post tax-xogħol seħħu fis-settur tal-kostruzzjoni u mill-inċident fatali kollha fuq il-post tax-xogħol, 50% tal-vittmi kellhom xi sengħa jew kienu jagħmlu xogħlijiet bażiċi.