Wara 24 siegħa li saret akkuża mill-aktar serja li kumpanija kienet qed tħallas il-pagi tas-Segretarju Ġenerali u CEO tal-Partit Nazzjonalista, l-istess partit ħareġ b’attentat ta’ spjegazzjoni falza ħafna. 24 siegħa ta’ silenzju li jgħidu aktar minn din it-tweġiba falza.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija. Il-Partit żied jgħid:
“Jekk veru d-donazzjonijiet mitluba saru f’forma ta’ transazzjoni bejn il-kumpanija msemmija u l-kumpanija tal-media Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista għandu jippubblika minnufih dawn il-kuntratti u jagħti provi ta’ servizz ingħata lura.
Huwa ċar li Simon Busuttil qed jipprova jaħrab il-fatt dejjem aktar evidentli kiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti billi jistaħba wara skuża ta’ taparsi kuntratt, filwaqt li injora li transazzjonijiet simili huma xorta koperti mil-liġi.”
Il-Partit qal li Simon Busuttil għad irid iwieġeb dawn il-mistoqsijiet:
- Jekk kienx infurmat minn Mario deMarco li kien se jagħti konsulenza tiegħu lil DB Group, meta sar jaf u ta l-approvazzjoni tiegħu.
- Jekk il-Partit Nazzjonalista għandux xi ftehim ieħor simili ma’ kumpaniji oħra biex jitħallsu impjegati tiegħu.
- Jekk dawn id-donazzjonijiet ġewx iddikjarati kif titlob il-liġi.