“Ma nistax norqod.. ma nistax nieqaf naħseb dwarek. Erbgħa u għoxrin sena ilu tlifna lil oħtok bl-istess mod li tlifna lilek. Kien l-1 t’Awwissu u kien nhar ta’ Ħadd.” Dan kien wieħed fost bosta messaġġi li tħallew fuq il-midja soċjali, fejn ħbieb fakkru l-memorja ta’ Janie Turner.
Janie Turner, omm ta’ tlett itfal li lbieraħ tilfet ħajjitha wara ħabta fatali fil-bypass tal-Imġarr meta hi kienet passiġġiera f’waħda mill-vetturi li kienu involuti fl-inċident. Kien proprju lura fl-1993, fl-1 ta’ Awwissu, li oħtha Carmen, li kellha biss 17-il sena, tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku qrib l-istess żona li tilfet ħajjitha Janie.
Permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, oħt Janie kitbet “Ħallejtni waħdi.. tlaqtuli t-tnejn. Kif se ngħix mingħajr ħuti.. Tħallinix waħdi oħt.. X’għamiltli għid…”
Kienet aħbar xokkanti, li ħalliet bosta mbikkma u mħassba, b’diversi persuni jħallu messaġġi fuq il-midja soċjali jesprimu d-dispjaċir tagħhom u jfakkru f’mumenti sbieħ li huma kellhom ma’ Janie, anke jekk kien ilhom ma jarawha.
Janie kienet passiġġiera fejn is-sewwieq bħalissa jinsab l-isptar Mater Dei jirċievi l-kura neċessarja hekk kif qed isofri minn ġrieħi gravi.