24 persuna oħra fiequ mill-COVID-19 f’Malta, biex issa t-total ta’ persuni mfejqa tela’ għal 150. F’konferenza tal-aħbarijiet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-etajiet tal-persuni mfejqa jvarjaw bejn l-għaxar snin u t-tmenin sena.
Fl-aħħar sigħat ġew ikkonfermati 12-il każ ġodda ta’ COVID-19 f’pajjiżna, li nstabu fost 726 test li saru fl-aħħar 24 siegħa. Il-Professur Gauci qalet ukoll li pazjent qed jinżamm fuq ventilatur fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Mater Dei.
Tlieta mill-każijiet ikkonfermati t-Tlieta huma membri tal-istess familja li huma relatati ma’ każ li kien ikkonfermat jiem ilu. Dawn huma Malti ta’ 34 sena li ma kienx qed imur ix-xogħol, Malti ta’ 19-il sena li ma kienx qed jattendi lezzjonijiet u Maltija ta’ 62 sena li ma taħdimx.
Kien hemm ukoll grupp ġdid ta’ żewġt iqraba; pensjonant ta’ 81 sena u Malti ta’ 48 sena. L-awtoritajiet tas-Saħħa fil-fatt għaddejjin bl-intraċar tal-kollegi ta’ dan tal-aħħar.
Maltija ta’ 27 sena wkoll irriżultat fil-pożittiv. Din taħdem f’kumpanija privata iżda ma jkollhiex kuntatt ma’ klijenti. Każ ieħor jinvolvi Indjan ta’ 50 sena li jgħix Malta. Sirjan ta’ 33 sena li rriżulta fil-pożittiv ukoll ma kienx qed jaħdem sakemm kien bis-sintomi u jgħix waħdu. Fl-istess ħin Etjopjan ta’ 38 sena wkoll irriżulta fil-pożittiv.
L-aħħar tliet każijiet huma lkoll persuni li jgħixu fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far li jinsab taħt kwarantina. Dawn huma Libjan ta’ 22 sena u żewġ Eritrejani ta’ 41 u 30 sena.
Il-Professur Gauci qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa għadhom qed isegwu t-tendenzi tal-pandemija anke f’pajjiżi oħra. Ma’ ONE News spjegat li “jrid isir monitoraġġ biex ma jkollniex aktar żieda u niżguraw li l-miżuri li għamilna ġew segwiti. F’dan kollu importanti jkun hemm il-kollaborazzjoni tal-pubbliku”.