B’investiment ta’ sitt mitt elf ewro, ġiet inawgurata flotta ġdida ta’ erbgħa u għoxrin mutur, għall-uffiċjali fit-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija, li ta’ kuljum jagħmlu rondi fit-toroq Maltin u jassistu fl-immaniġġjar tat-traffiku meta jseħħu inċidenti jew emerġenzi fit-toroq.
Flimkien ma’ dawn il-muturi, ġiet inawgurata flotta oħra ta’ tnejn u għoxrin scooter li se tintuża mis-Central Delivery Office, biex bihom jitqassmu r-riferti tal-Qrati madwar Malta u Għawdex.
L-Ispettur Nicholas Vella, mit-taqsima tat-traffiku, qal li dan l-investiment qed ikompli jsaħħaħ lil din it-taqsima biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq Maltin u Għawdxin.
Qal, “Il-Korp tal-Pulizija għamel investiment fis-sezzjoni tat-traffiku billi nxtraw erbgħa u għoxrin mutur ġdid u dan lilna jsaħħaħna sabiex inżidu s-sigurtà fit-toroq Maltin.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà qal li dan l-investiment huwa parti mill-ħidma li għaddejja fil-Korp biex jissaħħaħ l-ambjent tax-xogħol tal-ħaddiema.
Stqarr, “Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja l-ewwel u fuq kollox, lill-membri tagħna, li xemx u xita, iterrqu fit-toroq Maltin u Għawdxin, però nirringrazzja wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi tal-kooperazzjoni li jagħtina fil-qadi ta’ dmirijietna. Kommessi li nkomplu nsaħħu s-servizzi tagħna b’risq il-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri nnota li dan l-investiment qed ikompli jixhed l-impenn tal-Gvern li jinvesti fil-Korp tal-Pulizija, u biex eventwalment, minn dan l-investiment igawdu wkoll il-komunitajiet tagħna.
Stqarr, “Qed nibqgħu ninvestu fis-sezzjoni tat-traffiku anki bil-għan li issa, fix-xhur li ġejjin, anki nimxu għar-Roads Policing, li se tkun xi ħaġa ġdida b’aktar teknoloġija fil-Korp tal-Pulizija.”