Aktar minn 24 kumpanija Maltija ressqu proċeduri legali kontra l-kumpanija tal-kostruzzjoni Torka, TACA. Il-kumpanija li hija bbażata fil-kapitali Torka, Ankara, għandha tagħti madwar seba’ miljun ewro lil numru ta’ kumpaniji Maltin għal servizzi relatati mal-kostruzzjoni fost oħrajn.
Fil-Qorti hemm numru ta’ każijiet ippreżentati kontra l-kumpanija TACA, fejn saħansitra kreditur, permezz tal-Att dwar il-Kumpaniji, ressaq talba għax-xoljiment tal-kumpanija Torka kif ukoll iż-żamma tal-assi tagħha f’Malta.
Il-Qorti Malti laqgħet talbiet oħra għal ordnijiet ta’ sekwestru.
Il-biċċa l-kbira tal-kredituri ppreżentaw ukoll każijiet individwali fil-Qorti, u dan wara li TACA injorat il-proċeduri ppreżentati min-numru ta’ kumpaniji Maltin bil-għan li jirkupraw il-flus dovuti lilhom.
L-ammont ta’ flus dovuti jvarjaw minn ftit mijiet ta’ ewro sa eluf kbar, u saħansitra ma’ kumpanija waħda, TACA tellgħet kont li jaqbeż iż-żewġ miljun ewro.
Intant, investigazzjonijiet mhux uffiċjali li qed jagħmlu l-kredituri Maltin, juru li f’Istanbul biss, hemm mal-125 każ ippreżentat l-qorti kontra l-kumpanija, simili għal dak li qed jippreżentaw il-kumpaniji lokali.
Intant, il-kumpanija Torka, qed taffaċċja wkoll problemi ta’ finanzjarji mal-ħaddiema tagħha li nġabu f’Malta biex jaħdmu fuq numru ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni. Il-ħaddiema kienu mwegħda kundizzjonijiet tax-xogħol tajba, madanakollu, fil-bidu ta’ din is-sena, l-istess ħaddiema bdew jilmentaw li mhux qed jirċievu l-paga, tant li spiċċaw lanqas kellhom biex jixtru l-affarijiet bażiċi bħal ikel.