Ġew inawgurati tliet liftijiet ġodda fi tliet binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-lokalità ta’ San Ġwann, b’investiment ta’ mitejn u tletin elf ewro.
Minn dan l-investiment mistennija jgawdu erbgħa u għoxrin familja li jgħixu f’dawn l-appartamenti.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, żar dawn il-binjiet fejn iltaqa’ mar-residenti.
Charles Psaila, wieħed mir-residenti li se jkunu qed igawdu minn dan l-investiment u huwa l-amminstratur ta’ lift minnhom, qal li dan il-proġett biddillu ħajtu għall-aħjar.
“Jiena amministratur ta’ dan il-lift. Ninsab kuntent li għamiltulna dan ix-xogħol, li bdiltulna ħajjitna mill-lejl għan-nhar. Nirringrazzjakom ħafna.”
Il-Ministru Galdes qal li l-Gvern dejjem qies it-tisħiħ tal-aċċessibilità bħala aspett fundamentali tal-politika tal-akkomodazzjoni soċjali, għax din tgħolli l-livell tal-kwalità tal-ħajja.
Semma kif uħud mill-proġetti ġabu magħhom diversi sfidi fosthom nuqqasijiet kbar min-naħa ta’ kuntratturi mqabbdin. Dan wassal biex tali kuntratturi twaqqfu minn xogħolhom biex jiġu protetti l-interess tar-residenti u tal-Gvern.
Fil-fatt, fl-aħħar erba’ snin, twaqqfu tliet kuntratturi wara li ma mxewx mal-ftehim maqbul bejnhom u bejn l-Awtorità tad-Djar.
Galdes qal kif illum qed jitgawda l-frott ta’ dawn id-deċiżjonijiet li ttieħdu.
“Illum qed naraw ukoll ix-xogħol jitkompla permezz ta’ kuntratturi ġodda, permezz ukoll ta’ xogħlijiet li huma aktar spediti u b’hekk stajna nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna l-aċċessibilità lill-anzjani tagħna li nkomplu ntejbu permezz ta’ dan il-proġett.”
Preżentament hemm diversi xogħlijiet għaddejjin fuq installazjoni ta’ liftijiet ġodda fi 11-il lokalità f’24 sit differenti. Il-lokalitajiet fejn qed isir dan ix-xogħol huma Tal-Pietà, il-Belt Valletta, il-Furjana, il-Marsa, Birkirkara, Ħaż-Żebbuġ, Santa Luċija, il-Mosta, San Ġwann, Ta’ Xbiex, u r-Rabat.