Ninsabu xahrejn ‘l bogħod mill-Milied, u għalhekk tnediet l-10 edizzjoni tal-kampanja Children’s Dreams. Dan il-Milied, 2,371 tifel u tifla għandhom ħolma li tista’ titwettaq.
Children’s Dreams hija inizjattiva soċjali mmirata biex taqta’ x-xewqat tat-tfal li jgħixu f’familji li jkunu għaddejjin minn bosta problemi soċjali. Tgħin ukoll tfal vulnerabbli li jkunu qegħdin jgħixu f’sitwazzjonijet diffiċli fl-ambjent tad-dar tagħhom, u tfal li jgħixu f’bosta djar residenzjali.
Il-ħolm li jkunu jixtiequ t-tfal ivarja: minn bosta affarijiet sempliċi u bażiċi bħal xi ikla jew xi ħarġa ċ-ċinema biex jaraw il-film favorit tagħhom, sa ħolm ieħor bħal xi kors f’xi dixxiplina jew snajja’ partikolari.
Waqt it-tnedija, id-Direttur tal-Kura Alternattiva għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, Remenda Grech, spjegat li mijiet ta’ tfal li jaffaċċjaw problemi soċjali jiġu megħjuna minn dan il-proġett biex ikollhom ukoll il-possibilità li x-xewqa tagħhom fi żmien il-Milied issir realtà, u b’hekk ikunu jistgħu jkunu ferħana bħal tfal oħra.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li l-poplu Malti dejjem kien ta’ għajnuna u m’għandux dubju li din is-sena ser ikunu ta’ għajnuna.
Jekk tixtieq tagħmel differenza fil-ħajja ta’ tifel jew tifla, tista’ żur dan is-sit.