Fl-2022, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, indirizzat 23,472 każ. Dan joħroġ mir-rapport anwali li għamlet l-istess fondazzjoni għall-2022 u li tħabbar il-Ħamis filgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet.
Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, spjega li n-numru ta’ każi, li indirizzat l-FSWS is-sena li għaddiet, ikompli jikkonferma xejra dejjem tiela’ ta’ każi li jiġu bżonn is-servizzi estensivi li toffri l-fondazzjoni.
Qal,“Kellna preżenza ovvjament fi kważi l-ibliet u l-irħula ewlenin madwar Malta. Aħna l-biċċa l-kbira tan-nies li jiġu għandna jgħixu fl-aktar żewġ żoni popolati. Dak li jgħidulu n-North Harbour District, li jibqa’ tiela’ sa San Ġiljan, is-Swieqi u Pembroke, u jinkludi wkoll Birkirkara, u s-South Harbour District.”
Mill-persuni kollha li marru għand l-FSWS fl-2022, għoxrin elf, mija u tmienja u għoxrin (20,128) jew 86% kienu Maltin, filwaqt li tlett elef, tliet mija u erbgħa u erbgħin (3,344) jew 14% kienu barranin, bil-maġġoranza tagħhom ikunu Brittanici bi 12%.
Sadanittant, fost il-Maltin li fittxew l-għajnuna għand l-FSWS, sitta u erbgħin fil-mija (46%) kienu rġiel, filwaqt li 54% kienu nisa. Fost il-barranin, l-irġiel kienu l-aktar li fittxew l-għajnuna bi tnejn u ħamsin fil-mija (52%). Tmienja u erbgħin fil-mija (48%) tal-barranin li fittxew l-għajnuna kienu nisa.
Il-problemi prinċipali, li indirizzat l-FSWS permezz tas-servizzi li offriet, ittrattaw dawk relatati ma’ saħħa, saħħa mentali u vizzji.
Stqarr, “Aħna t-tibdil hu li dejjem irridu nkomplu nżidu l-preżenza tagħna fil-lokalitajiet, għax aktar ma tkun qrib in-nies, aktar tista’ tindirizza l-isfidi li jkollhom u l-problemi li jkollhom malajr.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, irrimarka l-importanza tas-servizzi tal-FSWS biex l-għajnuna tkun aċċessibbli u tingħata b’mod effettiv.
Ma’ ONE News, hu nnota wkoll l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ sostenn għall-FSWS sena wara sena. Fil-fatt, semma li minn allokazzjoni finanzjarja ta’ kważi seba’ miljuni u tmien mitt elf ewro fl-2012, is-sena li għaddiet il-Gvern alloka aktar minn tmienja u għoxrin miljun ewro.
Qal,“Hemm allokazzjoni qawwija bħala Gvern, li nista’ nassigura żgur hu li l-qasam soċjali ħa nibqgħu ninvestu fih u żgur li se jkun hemm investiment b’saħħtu fl-FSWS. L-għan tagħna jibqa’ dejjem wieħed li ntejbu s-soċjetà Maltija.”