Mill-elfejn u tnax sal-lum, b’kollox saru mitejn, u erbgħa u tletin adozzjoni f’pajjiżna, bil-maġġoranza tagħhom kienu ta’ tfal minn pajjiżi barra minn Malta.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarjiet, fejn ingħatat stampa ċara tal-adozzjonijiet u tfal fil-kura alternattiva f’pajjiżna.
Hawn, il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon spjega li f’Malta hawn erba’ mija u sittin tifel u tifla f’kura alternattiva u li jgħixu mhux mal-ġenituri, b’mitejn u sittin tifel u tifla li qed jiġu fostered.
Huwa spjega kif iċ-ċifri ta’ adozzjonijiet u fostering huma inkoraġġanti, minkejja l-fatt li l-pandemija naqset in-numru t’adozzjonijiet.
Il-Ministru sostna kif dan il-Gvern tejjeb b’mod drastiku l-kundizzjonijiet tat-tfal u għen l-ġenituri adottivi u dawk li jagħmlu fostering.
“Il-liġi llum li ffaċilitat il-proċess hija xi ħaġa li minnu nnifsu kien t’għajnuna, imma bla dubju, anka l-grants li introduċejna bħala Gvern. Illum jekk persuna tadotta minn barra mill-pajjiż għandha grant sa massimu t’għaxart elef ewro, u min jaddotta lokalment hemm grant ta’ elf ewro. Fiż-żewġ każijiet, konvint li mhux il-flus huma l-motivazzjoni, imma li wieħed jgħin biex ikopri l-ispejjeż bla dubju li jgħin.”
Fir-rigward tal-fostering żdiedet l-għajnuna finanzjarja għal persuni li jidħlu għall-irwol ta’ fosterers biex issa għajnuna telgħet minn €70 għal €110 fil-ġimgħa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti nnota kif il-bidliet li għamel il-Gvern fil-qasam tat-tfal ġab ukoll aktar serħan il-moħħ, kemm għat-tfal, u anke għall-ġenituri foster.
Huwa semma emendi li saru f’liġijiet biex it-tfal jkollhom trobbija u ħarsien aħjar.
“Jekk nibdew mill-vjaġġ li jsir wara li ssir il-care order, kif spjegajt għandna l-pedjatra u żewġ infermiera, li għal dawn l-erba’ mija u sittin tifel u tifla, qed jibdew isegwu l-istorja medika tagħhom, xi ħaġa li qabel ħadd ma ġietu f’moħħu li jagħmilha. Jekk għandhom bżonn imorru għand it-tabib, imorrru għand it-tabib, imorru imma s’hemmhekk. L-idea hi li dawn jibnu l-profil mediku ta’ dawn it-tfal.”