Ftit tal-ġimgħat oħra se jingħataw l-aħħar pagamenti lil tal-korpi u li daħlu jaħdmu mal-Gvern wara l-1979.
Dan tħabbar fil-Baġit għas-sena d-dieħla hekk kif ġie spjegat li l-iskema tgħodd ukoll għall-eks apprentisti u studenti-ħaddiema li kienu daħlu mal-Gvern wara Jannar tal-1979, wara korsijiet ta’ taħriġ li bdew qabel.
Fil-fatt, hekk kif grupp żgħir minn dawn il-kategoriji għadhom jaħdmu, l-iskema se tibqa’ fis-seħħ biss għal dawn il-persuni biex jitħallsu meta jilħqu l-età tal-irtirar.
Sadanittant, is-sena d-dieħla skema li se tiġġedded hi dik li tapplika għal eks membri tal-korpi li wara sabu impjieg mas-settur pubbliku, għall-eks ħaddiem tal-Gas Board, u għal apprentisti tal-Malta Electricity Board li kienu ngħaqdu mal-Korporazzjoni Enemalta fl-1977.
Is-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed isostni l-kumpens finanzjarju li jingħata lill-eks ħaddiema tat-Telemalta.
Se jingħata wkoll kumpens finanzjarju lil aktar minn 500 persuna li kienu tneħħew minn għadd ta’ entitajiet qabel Marzu 2013, inkluż it-tarznari, b’mod arbitrarju u li kien wassal għal telf sostanzjali fid-dħul tagħhom.
Madwar 2,300 persuna se jkunu qed jibbenefikaw minn dawn il-miżuri.