Għat-tieni darba f’din il-leġislatura, il-Gvern ħabbar roħs fil-mediċini li din id-darba hu mifrux fuq 23 mediċina differenti. Ir-roħs jilħaq sa massimu ta’ erbgħin fil-mija.
Fil-lista tal-mediċina mraħħsa hemm dawk għall-kura ta’ bosta mard u kundizzjonijiet fosthom mard tal-qalb, mard mentali u psikoloġiku, uġieħ u infjamazzjonjiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-uffiċjali tal-Awtorità tal-Mediċini, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista qal li l-akbar traħħis sar f’ mediċini għall-problemi psikoloġiċi b’roħs sostanzjali ta’ 40%, iġifieri kważi nofs il-prezz preżenti tas-suq.Mediċini oħrajn li gawdew minn dan ir-roħs huma dawk għal infjammazjoni li se jorħsu bejn tnejn u għoxrin u disa’ u għoxrin fil-mija u mediċini oħrajn li jgħinu f’problemi ta’ dipressjoni li raw tnaqqis ta’ għoxrin fil-mija.
ROĦS FIL-PREZZIJIET TAL-MEDIĊINI
PRODOTT | KUNDIZZJONI | PREZZ ANTIK | PREZZ GDID | ROĦS |
PAROXETINE | PSIKOLOĠIĊI | €8.30 | €4.95 | €3.35 |
ETORICOXIB | FJAMMAZJONI | €34.00 | €24.00 | €10 |
CIPRALEX | DIPRESSJONI | €16.08 | €12.90 | €3.18 |
MONTELAIR | ASTHMA | €17.50 | €16.50 | €1.00 |
It-traħħis tal-mediċini sar magħruf waqt żjara li s-Segretarju Parlamentari għamel fil-fabbrika tal-kumpanija Chemi Pharma f’Ħal Far, kumpanija Taljana bbażata f’Milan u fil-Brażil u li espaniet l-operat ta’ manifattura f’Malta b’investiment ta’ għoxrin miljun ewro. Dan l-aħħar il-kumpanija ngħatat ukoll ċertifikat ta’ Good Manufacturing Practice għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali.
Matul l-istess konferenza tħabbar ukoll id-dħul ta’ ħmistax il-mediċina ġenerika ġdida li joffru l-istess kura bħall-mediċini tal-marka.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li dawn il-mediċini se jidħlu fis-suq lokali bi prezzijiet imraħħsa sa tlieta u sebgħin fil-mija u huma garantiti mill-awtorità tal-mediċini.
Iċ-ċermen tal-Awtorità tal-Konsumatur Helga Pizzuto, qalet li l-Awtorità taħdem qatiegħ biex dan is-settur ikun wieħed kompetittiv u jintlaħaq l-għan l-konsumatur igawdi minn mediċini bi prezzijiet orħos.