Illum infakkru t-23 sena mit-traġedja tal-Um El Faroud. Traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ 9 tarznari. L-inċident seħħ ftit qabel l-għaxra u nofs ta’ filgħaxija fejn splużjoni qawwija heżżet baċir numru 3 tat-Tarzna flimkien mal-bliet kollha tal-Kottonera u l-madwar.
Kawża ta’ splużjoni li seħħet fl-istiva tal-vapur; George Aquilina, Charles Callus, Simon Pisani, George Xuereb, Anthony Vassallo, Simon Mifsud, Angelo Sciberras, Mario Hales u Paul Seguna baqgħu qatt ma reġgħu lura d-dar.
Tliet snin wara l-inċident kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-vapur għandu jitneħħa mit-Tarzna u jiġi mgħerreq Wied iż-Żurrieq sabiex dan il-vapur ikun jista’ jsir attrazzjoni għall-bugħaddasa. Qabel ma tniżżel f’qiegħ il-baħar twaħħlet plakka bl-ismijiet tad-disa’ rġiel li tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fit-Tarzna.