Tistaqsi lil min tistaqsi ta’ ċerta età, kulħadd jiftakar x’kien qed jagħmel fil-ħdax ta’ Settembru tal-elfejn u wieħed. Jum li kellu jibqa’ mnaqqax fl-istorja umana, bħala waħda mill-akbar traġedji ta’ dan is-seklu.
B’kollox 2,977 persuna, inkluż Malti, dakinhar qatt ma raw it-tmiem tal-ġurnata, inklużi dawk li marru għax-xogħol f’Manhattan, New York, u oħrajn abbord erba’ titjiriet Amerikani, li spiċċaw inħatfu.
L-iżgħar vittma kienet Christine Lee Hanson, ta’ sentejn u nofs, li rikbet l-ajruplan b’ħerqa liema bħalha, hekk kif kienet sejra għal btala f’Disney World.
Pumpieri, ħaddiema fil-World Trade Center u dawk mal-linji tal-ajru, li marru jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum ħallew familji jibkuhom.
Żagħżugħ Malti ta’ 26 sena, Brian Joseph Cachia, li kien jaħdem fit-Twin Towers, kien ukoll vittma ta’ dan l-att barbaru. Ironikament, hu kien intalab jidħol xogħol kmieni dakinhar, b’dan iwasslu biex jitlef ħajtu ġimgħa biss wara li ħa l-għerusija tiegħu.
Minbarra dan l-għadd, hu stmat li eluf oħrajn spiċċaw ibatu minn ħafna problemi ta’ saħħa u saħansitra tilfu ħajjithom b’konsegwenza ta’ dan.
Kienu d-disgħa neqsin sittax-il minuta, meta l-ewwel ajruplan baqa’ daħal f’wieħed mit-Twin Towers, bit-tieni ajruplan jolqot it-tieni torri kwarta biss wara.
Minnufih ġie avżat il-President Amerikan George Bush, li kien qed iżur skola primarja, bir-reazzjoni tiegħu tibqa’ mniżżla fl-istorja.
Sadanittant, ix-xena, fi New York, kienet waħda ta’ terrur, b’persuni fil-fdalijiet tat-torrijiet jaqbżu għexieren ta’ sulari għal isfel biex jaħarbu min-nar tal-infern ftit qabel ma l-istrutturi enormi ġġarrfu kompletament.
Minn wara dak il-jum, fejn erba’ ajruplani ta’ linji tal-ajru Amerikani nħatfu minn terroristi, is-sigurtà abbord it-titjiriet saret aktar rigoruża madwar id-dinja kollha.
It-tifrik li kien fadal fis-sit fejn xi darba kien hemm dawn iż-żewġ torrijiet, dam madwar tmien xhur biex tnaddaf u wara nħoloq mużew u monument bl-ismijiet tal-vittmi, fejn eluf kbar kull sena jżuruh biex isellmu l-memorja tal-vittmi, anke jekk ħafna baqgħu qatt ma ġew identifikati.
Dan iċ-ċentru, b’disinn differenti u aktar għoli mit-torrijiet li ġġarrfu, reġa’ nbena fuq dak li baqa’ magħruf bħala ‘Ground Zero’, waqt li ngħata l-isem ta’ One World Trade Center jew Freedom Tower, kif inhu wkoll magħruf.
RITRATT: ROBERT GIROUX / GETTY IMAGES