Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar ir-riżultati tal-iskema ‘Screen Support’, li għall-ewwel darba qed tiġi amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Din l-iskema rat l-investiment jiżdied għal €1 miljun favur produzzjonijiet lokali, li jinkludu proġetti maħsubin għall-wiri teatrali, festivals u xandir. Dawn ix-xogħlijiet huma kkunsidrati li jagħmlu kontribut validu għall-espressjoni tal-kreattività u l-kultura, waqt li jilħqu livelli internazzjonali. L-iskema tgħin ukoll proġetti ta’ animazzjoni, dokumentarji kif ukoll programmi kulturali.
Għal din l-iskema, il-Kunsill Malti għall-Arti rreġistra 58 applikazzjoni eliġibbli minn entitajiet awdjo-viżivi indipendenti li jkopru fergħat ta’ kitba ta’ scripts, il-fażi ta’ żvilupp u l-fażi ta’ produzzjoni ta’ films qosra, feature films u programmi kulturali. Minn dawn, 23 proġett jikkwalifikaw bex jingħataw il-fondi.
L-Uffiċjal Kap tal-Operat Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, enfasizzat l-importanza tal-pilastri ewlenin li jifformaw parti mill-iskema.
Il-Ministru Bonnici elenka kif, minn dak li ġie mħabbar fil-Baġit 2025, l-allokazzjoni finanzjarja għas-sena d-dieħla għal din l-iskema se tkun qed titla’ għal €2 miljun.
“Biex wasalna s’hawn kien hemm xhur ta’ riċerka u taħditiet mal-istakeholders kollha biex stajna noħolqu friegħi jew strands, li huma mmirati biex jgħinu lill-qasam tal-film indiġenu, skont l-ispeċjalizzazzjoni li nkunu qed nitkellmu dwarha. Jiena nemmen li dan il-pass hu importanti u pożittiv, speċjalment meta wieħed iqis li s-sena d-dieħla, l-ammont li llum qassamna ħa jirdoppja minn miljun għal żewġ miljun ewro, għax aħna rridu li dan is-settur ikompli jimxi ’l quddiem.”
Ministru Owen Bonnici