Waqt spezzjonijiet b’rabta ma’ immigrazzjoni irregolari mill-Pulizija instabu 23 persuna li kienu qegħdin jgħixu Malta b’mod irregolari.
L-ispezzjonijiet saru f’diversi lokalitajiet, fosthom fil-Marsa, f’Tal-Pietà, f’Buġibba, f’Santa Venera, f’Raħal Ġdid u f’Wied il-Għajn.
Il-persuni huma mill-Ghana, il-Gambja, Niġerja u l-Mali u ttieħdu f’Ċentru ta’ Detenzzjoni fejn hemmhekk inbeda l-proċess sabiex ma jibqgħux fil-pajjiż.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li dawn l-ispezzjonijiet se jkomplu għaddejjin fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin.