It-tfittxija qalb it-tifrik li ħallew żewġ terremoti nhar it-Tnejn li għadda fit-Turkija u s-Sirja kompliet fit-tieni lejl, fejn ħaddiema tas-salvataġġ min-numru ta’ pajjiżi, inkluż Malta, minkejja l-kesħa li xxoqq l-għadam, qed jassistu lejl u nhar bit-tama li jinstabu n-nies ħajjin qalb il-bini mġarraf. Fil-fatt, anke familji tal-vittmi li kienu joqogħdu fil-bini li waqa’ qed jassisstu fit-tfittxijiet.
Sa dalgħodu n-numru ta’ nies li tilfu ħajjithom tela’ għal aktar minn 7,800 persuna, iżda, b’xorti ħażina, dan in-numru huwa mistenni li jiżdied drastikament aktar ma jkomplu t-tfittxijiet.
Qed jiġi rrapport li aktar minn 23 miljun persuna huma affettwati b’dan id-diżastru.
Intant, il-President Tork Recep Tayyip Erdogan iddikjara stat ta’ emerġenza għall-perjodu ta’ tliet xhur, f’10 provinċji Torok l-aktar milquta.
Ritratt: AFP/ Getty Images