Matul iż-żmien tal-Festi kienu bosta li ħatfu l-opportunità sabiex iqattgħu ftit sigħat għall-kwiet fil-gżira pittoreska Għawdxija.
Fil-fatt, l-għadd ta’ persuni li qasmu l-fliegu fl-aħħar jiem tas-sena elfejn, tnejn u għoxrin u l-ewwel ftit jiem tas-sena l-ġdida jammontaw għal aktar minn mitejn u tlettax-il elf u seba’ mitt ruħ, bl-aktar ġranet li qasmu nies ikunu t-tletin ta’ Diċembru u l-għada tal-Milied.
Dan l-għadd jisboq sew in-numru ta’ nies li vvjaġġaw lejn Għawdex is-sena ta’ qabel. Id-differenza tammonta għal erbgħa u erbgħin punt ħamsa sebgħa fil-mija.
Dan filwaqt li bejn it-tnejn u għoxrin ta’ Diċembru u t-tlieta ta’ Jannar saru elf, mitejn u tmienja u sebgħin vjaġġ bejn Malta u Għawdex. Dan ifisser li saru ħamsin vjaġġ aktar fuq is-sena ta’ qabel.
Il-jiem tas-sebgħa u għoxrin u d-disgħa u għoxrin ta’ Diċembru tas-sena l-oħra kienu l-aktar bieżla, b’mija u erba’ vjaġġi kull wieħed, filwaqt li fl-elfejn wieħed u għoxrin, kien it-tletin ta’ Diċembru biss li rnexxielu jlaħħaq il-mija u żewġ vjaġġi biss f’jum wieħed.
L-għadd ta’ vetturi li qasmu l-fliegu wkoll żdied b’aktar minn sitta u għoxrin fil-mija hekk kif is-sena l-oħra qasmu aktar minn tlieta u sebgħin elf vettura.
Dawn in-numri huma sinifikanti fid-dawl tal-fatt li fi tmiem l-elfejn, wieħed u għoxrin kienu għadhom jeżistu numru ta’ restrizzjonijiet fuq vjaġġar bl-ajru mentri matul iż-żmien tal-Festi li għadhom kif għaddew, l-ivvjaġġar kien liberu għall-aħħar.
Minkejja dan, b’dawn iċ-ċifri rekord, jidher li Għawdex baqgħet dik il-ġawhra li kulħadd irid igawdi.
Dwar dan iċ-ċifri tkellem ma’ One News il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
“Ħafna u ħafna Maltin, kif ukoll turisti, reġgħu rħewlha lejn Għawdex, b’mod partikolari lejn l-aħħar ta’ Diċembru, fejn proprju kellna ċifri rekord ta’ kemm qasmu passiġġieri lejn il-gżira Għawdxija kif ukoll rispons pożittiv immens, anki minn lukandiera, rispons pożittiv mis-sidien ta’ ristoranti u stabbilimenti oħrajn, u dan ikompli mbagħad juri kif il-ħidma li qed issir min-naħa tal-Gvern, anki ġewwa Għawdex, li nibqgħu nagħmlu lil Għawdex bħala attrazzjoni matul is-sena kollha b’diversi inizjattivi, qiegħda tħalli fl-aħħar mill-aħħar il-frott tagħha.”
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li bħalissa għaddejja ħidma biex Għawdex tkun gżira attraenti f’kull staġun tas-sena.