It-tnejn ta’ Settembru tal-1798, bħal-lum 225 sena, il-Maltin qamu kontra l-ħakma Franċiża, li kienet ilha ftit xhur f’pajjiżna.
Dan wassal biex kien hemm l-imblokk tal-Franċiżi, li dam madwar sentejn, hekk kif il-Franċiżi ċedew f’Settembru tal-1800. Dan hekk kif il-Maltin kienu mxebgħin bis-serq mill-knejjes u anki kriżi bla preċedent fl-ekonomija.
Dawn l-irvellijiet bdew meta l-Franċiżi kienu se jirkantaw il-proprjetà tal-Karmelitani fl-Imdina. Dan wassal biex eluf ta’ Maltin irvellaw kontra l-ħakkiema.
Bil-Franċiżi ssakkru ġewwa l-ibliet iffortifikati, fosthom fil-Belt Valletta u l-Kottonera.
Il-Belt kienet imdawra minn madwar għaxart elef Maltin, immexxija Emmanuele Vitale u l-Kanonku Franġisk Saverio Caruana.
Xwieni tal-forzi Portuġiżi u anki dawk Ingliżi ġew f’Malta biex jgħinu lill-Maltin, b’assedju kontinwu għal Franċiżi li kienu msakkrin.
Fl-aħħar ta’ Ottubru tal-1798, jiġifieri dik is-sena stess, il-forzi Ingliżi qablu ma’ grupp żgħir ta’ Franċiżi li kienu stazzjonati f’Għawdex, fejn ħadu l-kontroll ta’ din il-gżira. Dan mingħajr ma nxtered l-ebda dmija.
Kien f’nofs dik is-sena, meta l-Franċiżi ħadu f’idejhom pajjiżna, wara kważi 268 sena taħt it-tmexxija tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Dan meta fi triqthom lejn l-Eġittu, il-Franċiżi mmexxija mill-Ġeneral Napuljun Bonaparte daħal f’Malta bl-iskuża għall-provvisti.