Is-sena li għaddiet, elfejn, mitejn u għoxrin persuna talbu l-għajnuna tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali minħabba każijiet ta’ vjolenza domestika.
Dan tħabbar f’konferenza bħala parti mis-sittax-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika, fejn intqal ukoll kif jekk aktar persuni jkomplu jfittxu l-għajnuna, dan in-numru se jinqabeż din is-sena, hekk kif sa l-aħħar ta’ Ġunju li għadda, diġà fittxew l-għajnuna elf, tmien mija u disgħa u tmenin persuna.
In-numru ta’ aggressuri li fittxew l-għajnuna wara li rrealizzaw li għandhom problema s-sena l-oħra, kien ta’ mija u sebgħa.
Dan filwaqt li sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda diġà talbu l-għajnuna mija u tlieta u għoxrin aggressur.
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela sostniet li fl-aħħar xhur pajjiżna kompla jinvesti sew f’servizzi importanti ta’ ħarsien li għenu mhux ftit.
Qalet, “Nemmen li l-isfida tal-vjolenza domestika mhix problema individwali, mhix problema ta’ settur partikolari iżda hija sfida tas-soċjetà kollha kemm hi.”
Tkellmet ukoll Jade Cini, vittma ta’ vjolenza domestika.
Spjegat, “Huwa importanti ħafna li jekk inti taf u jekk inti parti minn din il-problema soċjali jew vittma ta’ vjolenza domestika, huwa importanti li mhux biss titkellem imma wkoll tgħin u tkun t’għajnuna għal dawk li għandhom bżonn.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS sostna li l-Fondazzjoni dejjem kienet fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.
Qal, “L-FSWS, partikolarment l-aġenzija Appoġġ huma l-pijunieri li bdew jaħdmu kontra l-vjolenza domestika f’pajjiżna meta twaqqfu sebgħa u għoxrin sena ilu. Illum m’għadniex waħedna, hekk kif fis-soċjetà hawn ħafna stakeholders li qed naħdmu flimkien biex kuljum niġġieldu kontra l-vjolenza domestika.”
Il-Ministri għall-Ġustizzja Soċjali u l-Ugwaljanza saħqu fuq l-importanza tal-edukazzjoni, u li l-effetti devastanti tal-vjolenza domestika jkunu spjegati sa minn etajiet żgħar.