Ħamsa ta’ Settembru elf u tmien mija. Il-Franċizi telqu minn Malta wara biss sentejn fit-tmexxija tal-pajjiż.
Dan seħħ bl-iffirmar tal-Kapitulazzjoni Franċiża, li ġiet iffirmata mill-Ġeneral Franċiż Vaubois u l-kmandant tal-armata Ingliża Pigot. Permezz ta’ dan il-ftehim, Malta għaddiet f’idejn l-Ingliżi.
ONE News tkellem mal-istoriku Charles Xuereb li qal bħal-lum mitejn u għoxrin sena l-Maltin spiċċaw f’idejn l-Ingliżi.
Huwa spjega: “Meta saret il-kapitulazzjoni, jiġfieri bħal-lum, il-General Pigot – Ingliż stieden lil General Vabouis biex jiffirmaw u jagħtu l-gżejjer Maltin lillhom, bil-possessjonijiet tal-Kavallieri b’kollox.”
L-irvellijiet tal-Maltin kontra l-Franċiżi bdew mat-tmenin jum wara l-wasla tagħhom. Fl-ewwel sitt ijiem f’pajjiżna, il-General Napuljun Bonaparte kiteb madwar mija u sittin liġi ċivili. Storiċi jgħidu li dawn il-liġijiet kienu bdew jimmodernizzaw lil Malta minn żmien il-Kavallieri.
Is-Sur Xuereb qal: “Meta wara tmenin ġurnata qamu dawn il-Maltin, dawn in-nies tal-irħula madwar l-Imdina kontra l-Franċiżi hemmhekk konna qed nitilfu ċans kbir fl-istorja li navvanzaw fil-libertajiet tagħna.”
L-Istoriku Charles Xuereb qal magħna kif il-General Franċiż Vabouis talab lil Pigot sabiex il-Maltin ukoll ikunu parti minn dan il-ftehim, iżda l-kmandant Ingliż ma qabilx dwar dan.
Dan iż-żmien kien wieħed imħawwad għall-Maltin, hekk kif din il-gżira kienet immexxija minn tliet forzi, il-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-Franċiżi u l-Ingliżi. Il-Maltin ta’ dawn iż-żminijiet kienu maqsumin fi tnejn, dawk tal-irħula u dawk li kienu jgħixu fil-port. B’dawn tal-aħħar kienu jagħmlu sold permezz ta’ negozju mill-port, taħt it-tliet saltniet.
B’dak li seħħ bħal-lum mitejn u għoxrin sena, l-Ingliżi bdew it-tlettax-il sena ta’ prottetorat ta’ din il-gżira li bdiet tħares ukoll sabiex iġġib il-libertajiet tagħha u beda jinħoloq in-nazzjon Malti.
Is-Sur Xuereb kompla jgħid: “Il-Malti fil-ħamsa ta’ Settembru 1800, mingħajr ma kien jaf għax mexxewh waqa’ ġo ħofra mudluma, bil-mod il-mod beda tielgħa, anke fin-negozju għax l-Ingliżi ħadu l-Port il-Kbir, in-negozjanti Maltin kellhom immorru fiż-żona tal-menqa, allura ma kinux marru tajjeb u biex tgħaqqad kollox fl-1813 kien hawn il-pesta, allura kisret kull tama li jkun hemm xi ħaġa aħjar.”