LifeWalk Challenge, inizjattiva tal-LifeCycle (Malta) Foundation, bdiet bil-parteċipanti jitilqu minn Malta lejn l-Ingilterra llum.
L-isfida hi ta’ 145 kilometru ta’ trekking, u se tkun mifruxa fuq erbat ijiem.
Il-LifeWalk Challenge saret għall-ewwel darba fl-2021, bħala inizjattiva ta’ sapport u biex jinġabru fondi għar-Renal Unit, wara li l-pandemija tal-COVID-19 ħassret il-LifeCycle Challenge annwali.
22 individwu se jkunu qed jimxu t-tul tal-fortifikazzjoni magħrufa bħala Hadrian’s Wall. Il-mixi tul din ir-rotta storika għal 7-8 sigħat kuljum hija pjuttost ta’ sfida, iżda hija destinazzjoni popolari man-nies minn kull qasam tal-ħajja, kemm għal motivazzjonijiet ta’ storja u kultura, ambjent u xenarju, kif ukoll motivazzjonijiet ta’ sfidi fiżiċi u personali.
L-għan tal-parteċipanti tal-LifeWalk Challenge huwa li jiġbru fondi għall-inizjattivi tal-LifeCycle (Malta) Foundation b’risq pazjenti li għandhom mard fil-kliewi, biex jappoġġjaw ir-riċerka medika u jqajmu kuxjenza dwar dan it-tip ta’ mard.
Il-LifeCycle (Malta) Foundation hija organizzazzjoni reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Hija l-unika organizzazzjoni volontarja li tiġbor fondi biex tappoġġja lill-pazjenti tal-kliewi f’Malta u Għawdex, u tikkollabora kontinwament mar-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei u mat-tim ta’ għarfien dwar il-mard tal-kliewi tal-Università ta’ Malta fi ħdan ir-Research Trust tal-Università (RIDT).