Dan kien il-messaġġ li Brian David Sweeney bagħat lil martu Julie, abbord it-titjira 175 tal-American Airlines.
Il-ħdax ta’ Settembru, tal-elfejn u wieħed.
Ġurnata sajfija tipika, iżda li kellha tibqa’ mniżżla fl-istorja bħala wieħed mal-aktar jiem suwed għall-belt ta’ New York u l-bqija tad-dinja.
Elfejn, 2,977 vittma, fosthom ħaddiema tat-tifi tan-nar u eluf oħrajn midruba, uħud b’konsegwenzi li għadhom jippresistu anke sa 22 sena wara.
Sa tlett ijiem biss ilu, ġew identifikati żewġ vittmi oħra, li tilfu ħajjithom kawża ta’ dan l-attakk.
Iż-żagħżugħ Malti ta’ 26 sena, Brian Joseph Cachia, kien ukoll vittma ta’ dan l-att barbaru, li kien jaħdem fit-Twin Towers.
B’kumbinazzjoni, hu kien intalab jidħol għax-xogħol ftit qabel, hekk kif is-sistema diġitali kienet qed iġġarrab xi ħsarat, b’dan wasslu biex jitlef ħajtu ġimgħa biss wara li ħa l-għerusija tiegħu.
Kienu proprju, id-disgħa ta’ filgħodu neqsin sittax-il minuta, ħin lokali, meta l-ajruplan tal-linja American Airlines, li kien għadu kemm inħataf minn membri tal-al-Qaeda, baqa’ dieħel intenzjonalment f’wieħed mit-torrijiet tal-World Trade Centre, bejn id-93 u d-99 sular, fejn il-maġġoranza kienu għadhom kemm daħlu għal ġurnata oħra ta’ xogħol, fosthom anke nisa tqal.
Il-belt ta’ New York, ħadet xejra u lewn differenti, miksija mit-trabijiet u t-tifrik li ġab miegħu dan l-attakk.
Ġurnata li ma kinitx se tibqa’ waħda normali u kellha saħansitra tibdel drastikament il-mod kif iħares il-bniedem lejn l-ivvjaġġar bl-ajru u anke t-terroriżmu fid-dinja.
Appena l-aħbar bdiet tinxtered mal-erbat ibnadi tad-dinja, kien biss ftit aktar minn kwarta wara, meta t-tieni ajruplan daħal fit-tieni torri tat-Twin Towers.
Fil-fatt, barra l-attakki fuq it-Twin Towers, iġġarraf ukoll ajruplan fil-Pentagon u ieħor tniżżel f’għalqa f’Pennslyvania.
Li kieku l-passiġġieri abbord ir-raba’ ajruplan ma pprovawx jieħdu r-riedni tal-ajruplan, l-ammont ta’ vittmi kien ikun ferm akbar, hekk kif dan aktarx kellu fil-mira tiegħu l-White House.
Il-grupp al-Qaeda kien irnexxielu jaħtaf l-erba’ ajruplani mill-ajruporti ta’ Boston, Newark u Washington, li lkoll suppost kienu fi triqithom lejn San Francisco u Los Angeles.
Il-President Amerikan ta’ dak iż-żmien, George Bush, kien għaddej bi żjara fi skola primarja, meta ġie mgħarraf b’dak li seħħ.
Ix-xeni devastanti li rat id-dinja dakinhar, fosthom ta’ nies jaqbżu għal isfel mit-torrijiet, f’att ta’ disprament, baqgħu stampati f’moħħ kulħadd anke llum 22 sena wara.
Ftit inqas minn għaxar snin wara dan l-attakk imdemmi, inqatel il-Kap tal-al-Qaeda, Osama Bin Laden, li kien jagħti tort lill-Istati Uniti għal kull konflitt fid-dinja Musulmana.
Minn wara dak il-jum, is-sigurtà abbord it-titjiriet saret aktar rigoruża madwar id-dinja kollha.
It-tifrik li kien fadal fis-sit fejn xi darba kien hemm dawn iż-żewġ torrijiet, dam madwar tmien xhur biex tnaddaf u llum hemm mużew u sit ta’ tifkira, bl-ismijiet tal-vittmi, li eluf ta’ persuni jmorru biex isellmu l-memorja tagħhom.
Dan iċ-ċentru reġa’ nbena, b’disinn differenti, u aktar għoli mit-torrijiet li ġġarrfu, u ħa l-isem ta’ One World Trade Center, magħruf aħjar bħala Freedom Tower.