22 proprjetajiet f’Tas-Sliema li jesebixxi disinni tradizzjonali, eklettiċi u Art Nouveau ingħataw protezzjoni tal-wirt bħala bini skedat ta’ Grad 2 mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Fi ftit iktar minn xahar, l-Awtorità ħarġet status ta’ protezzjoni tal-wirt għal total ta’ 57 proprjetà f’din il-lokalità biss.
Il-proprjetajiet, li huma miġbura madwar tliet akkwati fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana ta’ Tas-Sliema, juru valur kollettiv minħabba li jiffurmaw parti minn ringiela ta’ bini li għandhom għoli, disinn, proporzjonijiet, materjali, stil u massa simili.
Għalkemm il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proprjetajiet ġew imħarsa għall-valur kollettiv tagħhom, kull waħda għandha merti individwali għall-iskedar, ħafna drabi jkollha karatteristiċi partikolari fuq il-faċċata u l-interjuri li jiddistingwuhom minn bini ieħor.