Nirien li ħakmu ristorant fil-Grigal taċ-Ċina t-Tlieta wara nofsinhar ħallew 22 persuna mejta u tlieta oħra feruti.
Diversi filmati mitfugħa fuq il-midja soċjali juru binja ta’ żewġ sulari maħkuma min-nirien bi dħaħen suwed qawwija. F’filmat fuq TikTok dehru wkoll paramediċi jdaħħlu lill-wieħed mill-vittmi fl-ambulanza u diversi pumpiera jissieltu biex jitfu n-nirien.
Nirien qerrieda huma komuni fiċ-Ċina minħabba l-liġijiet laxki li jikkontrollaw il-kodiċi tas-sigurtà fil-bini. Dan ix-xahar, 20 persuna oħra mietu f’nirien li ħakmu dar tal-kura tal-anzjani fit-Tramuntana taċ-Ċina apparti li f’Jannar mietu tmienja f’nirien f’suq tal-ħaxix u f’Diċembru disgħa tilfu ħajjithom f’sit ta’ kostruzzjoni li ħa n-nar.
Il-President Ċiniż Xi Jinping qal li minn dan l-aħħar inċident għandhom jittieħdu tagħlimiet serji u profondi. Huwa appella sabiex isir kull sforz biex jiġu megħjuna l-midruba, ikun offrut appoġġ għall-familji tal-vittmi u tiġi ddeterminata kemm jista’ jkun malajr il-kawża tan-nirien sabiex jiġu proċessati skont il-liġi dawk responsabbli.