Fl-aħħar sena u nofs, tnejn u għoxrin persuna b’diżabiltà tħarrġu fl-isports ta’ rugby.
Dan hu parti minn proġett tal-Aġenzija Sapport u The Brain Foundation, li qed joffri taħriġ mill-kowċ tat-tim tar-rugby tal-Kavallieri.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li din hija storja ta’ suċċess għal dan il-qasam.
Hija qalet, “Rajna 22 klijent differenti, b’diżabiltà illi jipparteċipaw illi jekk xejn ħareġ l-abilità tagħhom, l-importanza tat-tim illi s-saħħa tkun koordinata u l-ikbar sodisfazzjon tara l-istorja ta’ progress ta’ kif beda individwu fl-2019 u llum kif qed jibbirilla u qed jipparteċipa f’din il-logħba.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li il-qasam tal-volontarjat u permezz tal-isport dawn il-persuni qed jitgħallmu aktar abilitajiet.
Huwa stqarr: “Qegħdin naraw kif għaqda volontarja li taħdem f’dan is-settur tal-isport tar-rugby, permezz tal-isport qegħda toħroġ lil ħutna Maltin u Għawdxin minn ġod-djar tagħhom, iġġibhom ġewwa faċilitajiet sportivi u hemmhekk jitgħallmu numru ta’ ħiliet illi propju jistgħu jiġu akwiziti permezz ta’ dan l-aspett.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li dan mhux biss jippromwovi l-inklużjoni iżda jkompli juri li kulħadd għandu jemmen fil-kontribut tal-persuni b’diżabbiltà u fid-drittijiet tagħhom għal parteċipazzjoni sħiħa.