Il-programm LEAD tal-Partit Laburista, kompla jissaħħaħ, hekk kif tnejn u għoxrin mara ngħaqdu fil-programm għall-ħames edizzjoni tiegħu.
F’konferenza tal-aħbarjiet, il-koordinatriċi tal-programm, Miriam Dalli, sostniet li dan il-programm u l-parteċipanti fi ħdanu huma xhieda ħajjin ta’ partit ħaj.
Hija qalet li l-għajnuna li jagħti u l-ħiliet li jitrawmu permezz tal-programm huma pass importanti lejn l-ugwaljanza li hemm bżonn li naraw fil-politika Maltija: “Il-Partit Laburista minn dejjem kien progressiv u dejjem emmen bis-sħiħ fl-abilitajiet, sew tan-nisa u anke tal-irġiel. U għalhekk LEAD, għaliex Lead huwa xhieda ta’ fejn irridu naslu bil-parteċipazzjoni u l-parteċipanti li għandna llum, nemmen li huma xhieda tal-ħidma li qed nagħmlu bħalissa, u li rridu nkomplu nagħmlu fis-snin li ġejjin.”
Il-President tal-Partit Laburista, Dr Ramona Attard, tenniet li l-programm għandu l-għan li jbiddel il-kultura f’pajjiżna fejn jidħol ir-rappreżentanza ugwali f’Malta.
Spjegat kif minkejja li l-Partit Laburista qiegħed fil-Gvern, xorta waħda qiegħed jaħdem għal bidla neċessarja f’kull aspett tal-ħajja: “Forsi ħafna jaħsbu li għax il-Partit Laburista huwa fil-Gvern, kien se jħalli f’idejn il-Gvern sabiex fi ħdanu jkun hemm policies ġodda, però le. Fil-verità rajna bil-kontra. Wara għad ta’ konsultazzjonijiet li kien hemm fil-Gvern, kien il-Partit Laburista li permezz ta’ diversi nisa u rġiel, li irnexxielu joffri il-viżjoni tiegħu.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarja tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Catherine Fenech stqarret kif hi stess esperjenzat is-suċċess tal-programm: “Il-ħidma tiegħi fl-istrutturi tal-partit kienet diġà pjuttost intensiva meta bdejt il-programm, imma nistqarr li LEAD kien strumentali sabiex nikseb il-ħiliet u nitgħallem inżewweġ l-entużjażmu tal-lealtà, it-ttwemmin fil-prinċipji tal-Partit Laburista, it-tkebbis tal-imħabba lejn il-partit, flimkien mal-professjonalità meħtieġa f’kull ħidma li niġi fdata fiha.”