Għall-mistoqsija tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis, il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dawk il-kunsilli li spiċċaw b’telf f’Malta kienu l-Imdina, il-Birgu, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, Birżebbuġa, Ħad-Dingli, il-Gudja, il-Kalkara, Ħal Lija, Marsaxlokk, l-Imsida, l-Imqabba, il-Mosta, San Pawl il-Baħar u x-Xgħajra waqt li f’Għawdex kienu r-Rabat, l-Għarb, Kerċem, il-Munxar, in-Nadur, Sannat u x-Xagħra.
Il-kunsill li temm is-sena bl-ikbar telf kien dak ta’ Ħaż-Żebbuġ li spiċċa l-2015 b’defiċit ta’ €551,568. Warajh ġew dawk ta’ Victoria (Għawdex) b’telf ta’ €510,734 u ta’ Birkirkara b’telf ta’ €406,537.
Il-kunsill lokali li spiċċa l-2015 bl-akbar ammont ta’ flus “żejda” (surplus) kien dak tal-Gżira li temm is-sena b’kapital finanzjarju ta’ €866,616 segwit minn dak ta’ Ħaż-Żabbar b’€748,340 u taż-Żejtun b’€739,490.
Il-kunsilli lokali ta’ Valletta, Ħal Għaxaq, l-Imtarfa u San Lawrenz f’Għawdex kienu għadhom ma ippreżentawx ir-rendikont finanzjarju tagħhom għas-sena 2015 b’tal-ewwel għadu lanqas ippreżenta l-‘working capital’ għas-sena 2014.