Din is-sena l-gvern alloka €5.75 miljun għal skemi finanzjarji għall-kunsilli lokali. L-għan hu li l-kunsilli lokali jindirizzaw il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u jtejbu ħajjet ir-residenti.
Qalet dan is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-miżuri tal-Budget 2023.
Waħda minn dawn l-iskemi hija dik għall-iżvilupp u għat-titjib tal-playing fields, b’fond ta’ €771,000. Is-segretarju parlamentari ħabbret li 22 kunsill lokali se jibbenefikaw minn din l-iskema, inkluża l-lokalità tax-Xgħajra fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet.
Dan ifisser li 22 lokalità f’Malta u f’Għawdex u r-residenti rispettivi ta’ dawn il-lokalitajiet ser igawdu minn titjib fi playing fields eżistenti jew minn żvilupp ta’ playing fields ġodda.
Fir-rigward tal-fondi diretti li ser ikunu qed jirċievu l-kunsilli lokali u reġjonali għas-sena d-dieħla, is-segretarju parlamentari ħabbret li dawn il-fondi ser jiżdiedu b’aktar minn nofs miljun ewro.
Spjegat ukoll li għas-sena li ġejja ser titwettaq miżura elettorali oħra fejn ser jiġi implimentat mekkaniżmu ġdid għall-finanzjament tal-iskemi għall-kunsilli lokali. Dan il-mekkaniżmu ser jinvolvi l-evalwazzjoni ta’ skemi proposti mill-kunsilli lokali nfushom, għaliex il-gvern lokali jemmen li kull kunsill lokali jaf l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalità rispettiva tiegħu.