L-iskema ta’ taħriġ mnedija mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali qed tħalli l-frott tagħha hekk kif total ta’ tnejn u għoxrin apprentistat qegħdin jgawdu minn din l-iskema.
Dan sar magħruf fi żjara ġewwa l-Kampus tal-Università f’Għawdex fejn qiegħed jingħata dan is-servizz bil-ħsieb tal-inklussività u l-ħajja indipendenti.
Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, qed torganizza dan b’miri ċari għal minn qiegħed jattendi fosthom attenzjoni lil gruppi li fil-passat setgħu kienu soċjalment esklużi, b’nuqqas ta’ stabilità fl-impjieg tagħhom.
Il-kors qed ikun maqsum fuq żewġ binarji, dak fil-klassi u lil hinn.
B’hekk il-parteċipanti qegħdin jiksbu kemm tagħrif kif ukoll taħriġ u żvilupp tal-ħiliet tagħhom.
Is-servizz, li hu wieħed minn kullana offrut mill-FSWS huwa bbażat fuq id-dritt li kulħadd għandu jkollu impjieg stabbli biex jilħaq il-potenzjal massimu tiegħu.
Wieħed mill-apprentisti qal kif permezz ta’ din l-iskema qed itejjeb il-ħiliet.
Qal, “Biex intejbu l-ħiliet tagħna tax-xogħol u nagħtu servizz lil Għawdex. Għandna l-korsijiet on-site u off-site waħda fuq il-koperattiva kif taħdem u l-oħra fuq is-saħħa u sigurtà. Biex intejbu x-xogħol tagħna kif nagħmluh.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti innota kif din il-ħidma qed toffri possibilitajiet ġodda lil persuni li fil-passat setgħu kienu soċjalment esklużi.
Huwa nnota kif hemm ħsieb li dan il-proġett ikun estiż f’Malta.
Spjega, “Hawn possibilitajiet tajbin jiġifieri kemm minn naħa tal-Ministeru kemm minn entitajiet oħra li huma lesti li jagħtu xogħol lil dawn in-nies illi kienu vulnerabbli u għalhekk aħna interessajna ruħna fihom illi ma setgħux isibu impjieg. U wara li ntuhom it-taħriġ u jibda jaħdem il-prooġett b’suċċess ġewwa Għawdex imbagħad naraw kif nistgħu nestenduh f’Malta ukoll.”
Id-Direttur tal-Fondazzjoni f’Għawdex innota l-impenn li għandha l-Fondazzjoni sabiex tgħin lil persuni mhux biss sakemm jintemm l-kors eżistenti iżda l-għajnuna tibqa’ anki wara l-perjodu stipulat ta’ sena.
Qal, “Ingħatajna dan l-inkarigu biex nakkumpanjaw lil dawn l-appretisti matul din is-sena ta’ taħriġ, minkejja dan kollu l-iskop tagħna huwa wieħed li ma jieqafx propju wara din is-sena imma nkomplu nakkumpanjawhom għas-snin li ġejjin.”
Preżenti fiż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għal Ġustizzja Soċjali Michael Falzon u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Il-Ministru Falzon saħaq kif dan huwa eżerċizzju ta’ inklużjoni u rrimarka kif ħadd m’għandu jaqta’ qalbu hekk kif servizzi bħal dawn jassistu għat-titjib tal-ħiliet tal-persuna.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri esprima sens ta’ apprezzament hekk kif persuni li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikolari qegħdin isibu din l-għajnuna.