Fl-2021 l-FSWS kienet ta’ għajnuna għal 21,490 persuna, li tfisser żieda ta’ 2,408 persuna fuq is-sena ta’ qabel. Tħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarjiet fejn ġie ppubblikat ir-rapport annwali tal-FSWS għas-sena 2021.
Iċ-Chairman tal-FSWS, George Borg stqarr kif il-pandemija bidlet għall-aħħar l-operat tal-Fondazzjoni, iżda dan fisser li l-pandemija ġabet magħha lezzjonijiet importanti li saħħu l-Fondazzjoni.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti ta spjegazzjoni tal-istatistiċi fir-rapport annwali, iżda stqarr li ‘lil hinn min-numri, hemm stejjer ta’ nies li jfittxu l-għajnuna sabiex itejjbu ħajjithom.
Huwa qal ukoll li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Fondazzjoni, din qed taħdem minn sebgħin proprjetà madwar Malta u Għawdex sabiex tilħaq aktar persuni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon stqarr li l-ħidma tal-Fondazzjoni qatt ma tista’ titlesta, hekk kif iż-żmien dejjem jinbidel u għalhekk jinbidlu l-isfidi.
Minkejja dan qal li l-Gvern għandu impenn ċar lejn dawn il-problemi soċjali, u xhieda ta’ dan hija n-nefqa tal-Gvern fl-FSWS li ta’ kull sena dejjem tiżdied, sabiex jissaħħu r-riżorsi tal-istess Fondazzjoni.
Il-kelliema kollha rringrazzjaw il-ħaddiema kollha li jaqgħu taħt l-FSWS, u ddeskrivewhom bħala l-aħħar għajnuna għal persuni li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli.