L-iskemi finanzjarji li ħarġet l-Awtorità tad-Djar tul iż-żmien kienu ta’ suċċess hekk kif bosta familji llum il-ġurnata huma sidien ta’ djarhom.
Dan ħareġ minn tweġibiet f’mistoqsijiet parlamentari differenti mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.
Waħda mill-iskemi kruċjali hija dik tal-Equity Sharing, fejn s’issa gawdew minnha mitejn u erbatax-il familja.
Hemm wieħed u disgħin familja li diġà ffirmaw il-kuntratt, erbgħa u erbgħin familja li ffirmaw konvenju filwaqt li disgħa u sebgħin applikazzjoni oħra ġew approvati u l-applikanti qed ifittxu proprjetà.
L-iskema tal-Equity Sharing se tiġi estiża għal dawk li jgħoddu minn tletin sena ’l fuq permezz tal-Budget, bil-Gvern se jkompli jidħol għal masismu ta’ 50% tal-propjetà li tinxtara.
Għal din l-iskema kkummenta l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay.
Qal, “Għalina daqs kemm huwa importanti li jkollna stock ġdid ta’ social housing, daqshekk huwa importanti li jkollna aktar persuni li jsiru sidien ta’ djarhom. Identifikajna numru ta’ kategoriji li mingħajr l-għajnuna tal-istat u l-awtorità ma jistgħu qatt isiru sidien ta’ darhom.”
Iżda din ma kinitx l-unika skema li ħarġet l-Awtorità tad-Djar sabiex tkun t’għajnuna għal bosta familji Maltin u Għawdxin.
Fost dawn hemm il-benefiċċju tal-kera, fejn fl-aħħar aġġornament dwar din l-iskema, ħareġ kif is-sena l-oħra, tlett elef, erba’ mija u sebgħa u tletin familja gawdew minn kważi sitt miljun ewro bejniethom.
Din l-għajnuna tiġi kalkulata b’tali mod li l-ħlas tal-kera ma jeċċedix ħamsa u għoxrin fil-mija tad-dħul ta’ dawn il-persuni.
Skema oħra hija dik għall-irranġar u t-tkomplija tal-ewwel residenza.
Hawnhekk naraw kif il-medja li ngħatat lill-benefiċċjarji kienet tammonta għal elfejn u disa’ mitt ewro.
Fil-fatt, is-sena li għaddiet kien hemm mija u tmienja u tmenin persuna li lestew ix-xogħol fir-residenza tagħhom wara li gawdew mill-iskema.
L-investiment għal dan ammonta għal kważi nofs miljun ewro.
F’mistoqsija parlamentari oħra ħareġ li mill-iskema tal-għaxra fil-mija depożitu fuq xiri ta’ propjetà, l-Awtorità f’aktar minn sena rċeviet tliet mija u sitta u tletin applikazzjoni.
L-applikazzjonijiet sottomessi qed jiġu pproċessati f’qasir żmien fejn sal-aħħar tas-sena l-oħra, diġà kien hemm mija u wieħed u għoxrin benefiċjarju li ffirmaw konvenju b’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro.
Skema oħra ta’ suċċess kienet dik tas-Social Loans, li permezz tagħha bosta persuni saru sidien ta’ djarhom.
Fil-Parlament, il-Ministru wieġeb kif s’issa gawdew mitejn u tlettax-il familja minn din l-iskema.
Minn dawn mija u wieħed u tletin familja ffirmaw il-kuntratt, tmienja u għoxrin familja ffirmaw il-konvenju filwaqt li erbgħa u ħamsin familja ffirmaw ftehim mal-Awtorità tad-Djar sabiex igawdu minn din l-iskema.