Is-settur tas-sajd huwa wieħed impenjattiv, hekk kif il-ħidma fuq il-baħar ma tieqaf qatt. Jixhdu dan ir-riżultati ta’ qabdiet ta’ ħut għas-sena li għaddiet kif ukoll il-bejgħ tagħhom.
Fil-fatt, matul is-sena elfejn tlieta u għoxrin, is-settur tas-sajd f’Malta għamel bejgħ ta’ aktar min 2,126 tunnellata ta’ ħut.
Dan ammonta għal valur totali ta’ bejgħ li laħħaq €13.3 miljun.
Ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu raw l-aktar bejgħ ta’ ħut.
Dan hekk kif f’Ġunju kien hemm bejgħ ta’ aktar minn tliet mija u tlieta u disgħin elf kilo ta’ ħut b’valur ta’ tlieta punt disgħa miljun ewro, Lulju b’bejgħ ta’ aktar minn tliet mija u erbgħa u sebgħin elf kilo ta’ ħut b’valur ta’ wieħed punt ħames miljun ewro u Awwissu b’bejgħ ta’ aktar minn tliet mija u tnejn u ħamsin elf kilo ta’ ħut b’valur ta’ wieħed punt tliet miljun ewro.
F’kumment ma’ ONE News b’reazzjoni għal dawn iċ-ċifri pożittivi għal dan is-settur, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, spjegat kif din is-sena se jiġu implimentati diversi miżuri u proġetti biex proprju jkompli jiġi assigurat is-sostenibbiltà tas-sajd. Dan fosthom permezz tal-istrateġija tas-sajd.
Spjegat kif dan ir-riżultat ifisser tlettax-il miljun ewro fl-ekonomija ta’ Malta minn bejgħ ta’ ħut fejn tenniet l-importanza li wieħed jagħżel prodott lokali.
“Huwa kruċjali li bħala pajjiż nkunu dipendenti fuq dan is-sostenn u dan it-tip ta’ proteina mill-ħut u għalhekk inħeġġeġ lill-konsumatur Malti u Għawdxi biex ifittex il-prodott lokali.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said