Il-ħolm ta’ 2,114 tifel u tifla ser ikunu qed isiru realtà hekk kif ġiet uffiċjalment magħluqa il-ħames edizzjoni ta’ Children’s Dreams. Dan wara li bosta maltin wiegħdu rigal lil numru kbir ta’ tfal inqas ixxurtjati.
L-uffiċjal tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija Appoġġ, Remenda Borg Grech, saħqet li fl-aħħar jiem kienet verament kruċjali l-għajnuna ta’ numru ta’ intrapriżi fosthom il-Marigold Foundation li għenu sabiex jinqatgħu x-xewqat ta’ dawn it-tfal.
Il-Ministru tal-familja, drittijiet tat-tfal u solidarjetà soċjali, Michael Falzon stqarr li kampanja bħal din tkompli turi l-ġenerożità u l-qalb kbira tal-Maltin.
B’hekk, il-ħaddiema soċjali li tant jaħdmu b’dedikazzjoni ma’ dawn it-tfal matul is-sena, ser ikunu jistgħu jaraw it-tbissimi fuq fomm iċ-ċkejknin tagħhom f’dan iż-żmien tal-Milied.