Raġel u mara ngħataw 21 sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li wettqu għaxar serqiet bejn is-sena 2013 u s-sena 2015.
Stephen Borg ta’ 39 sena ġie kkundannat 11-il sena u nofs ħabs filwaqt li Antonella Vella ta’ 33 sena ntbgħatet 10 snin ħabs wara li nstabu ħatja li wettqu 10 serqiet minn għadd ta’ garaxxijiet f’Birkirkara, Santa Venera u Ħal Qormi. Kienu kliem iebsa li qaltilhom il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech meta qaltilhom li s-soċjeta’ għandha tiġi pproteġġuta minn persuni bħalhom u li minflok għażlu li jinbidlu u jibdlu t-triq il-ħażina għal waħda tajba, huma għażlu li jkomplu mexjin fit-triq il-ħażina.
Borg kellu sentenza ta’ ħabs sospiża preċedenti u kien taħt il-libertà proviżorja fuq erba’ każijiet oħra filwaqt li Vella wettqet is-serqiet waqt sentenza sospiża meta kien taħt il-liberta proviżorja fuq erba’ każijiet oħra.
Wara li qieset kollox. il-Qorti ordnat sentenza ta’ 11-il sena u nofs ħabs lil Borg filwaqt li għaxar snin ħabs lil Vella. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ €28,000 fir-rigward ta’ Borg u fir-rigward ta’ Antonella Vella, ordnat il-konfiska ta’ €20,000.
Fil-każ dehru l-avukati Robert Vella u James Grech.